Sinjal ta’ qlubija

It-Tnejn, 10 ta’ Marzu, 2014.  L-Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca, għat-tielet darba, jerġa’ jagħżel il-komunità tas-Seminarju sabiex jiċċelebra l-anniversarju tal-ordinazzjoni Presbiterali tiegħu ; din is-sena, it-62 wieħed!

Omelija Mons Mercieca
“Meta nħares lejn Ġesù ngħidlu biss żewġ kelmiet: grazzi u aħfirli.” L-Arċisqof Emeritu waqt l-omelija tiegħu bi kliem ta’ kuraġġ u tama.

Għalina s-seminaristi kif ukoll għall-animaturi tagħna, okkażjoni bħal din tfisser ħafna b’mod speċjali l-preżenza tiegħu fostna, kliemu ta’ tama flimkien ma’ xi ċajta ħelwa minn tiegħu.  Irridu niftakru li kien sewwasew permezz tal-ħidma tiegħu illi  s-Seminarju tela’ mill-Furjana għar-Rabat fejn ninsabu llum.  Għal dan u għal bosta ħwejjeġ oħra, ninsabu grati ħafna lejn Alla li tana lil dan il-bniedem b’mexxej ħabrieki tal-Knisja f’Malta għal ħafna snin.

Nibqgħu niftakru l-kliem ta’ kuraġġ tiegħu waqt l-omelija fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa sabiex bħala saċerdoti nkunu dawk li nirriflettu lil Kristu f’din id-dinja kif ukoll l-insistenza tiegħu biex inkunu bnedmin mimlija bil-fiduċja f’Ġesù.

Minn qalbna nirringrazzjawh ta’ dan il-ġest tiegħu.  Inħeġġu sabiex niftakru u nżommu lill-Monsinjur Arċisqof Emeritu fit-talb tagħna.