Ir-Raba’ Ħadd tal-Għid

Min hu dan ir-Ragħaj?

Xi snin ilu ltaqajt ma’ ragħaj li kellu merħla nagħaġ mhux ħażin u aħna u nitkellmu nnutajt il-mod kif hu jagħraf kull nagħġa li għandu. Minkejja li jidhru l-istess, kollha jafhom b’isimhom, u meta jsejħilhom bis-sejħa partikolari tiegħu tarahom ġejjin. L-aktar ħaġa li kienet interessanti hi li dan kellu nagħġa u kellha żewġt iħrief u meta jgħidilha biex tmur għal frieħ din tmur għalihom u ġġibhom magħha. Fir-realtà min hu r-ragħaj? Ir-ragħaj huwa dak li jinteressah mill-merħla tiegħu u li dejjem lest li jpoġġi l-merħla tiegħu qablu. Ir-ragħaj ma jinqediex bil-merħla għalih innifsu, imma dejjem qiegħed hemm għas-servizz tagħha. Ir-ragħaj li jaf in-nagħaġ tiegħu, waħda waħda, donnu tinbena relazzjoni bejn ir-ragħaj u n-nagħaġ. Min-naħa l-oħra, in-nagħaġ jagħrfu lir-ragħaj tagħhom u jekk waħda minnhom taħrab huwa jmur u jġibha miegħu. Dan hu Ġesù r-Ragħaj it-Tajjeb.

Illum qegħdin niċċelebraw Jum il-Vokazzjonijiet. Il-kelma “vokazzjoni” tfisser sejħa li l-Mulej jagħmel lil kull persuna “ejja u ara”. Is-sejħa timplika li l-persuna timxi wara Ġesù li hu Ragħaj, li tara kif għex Ġesù, x’kien jagħżel, x’kien iħoss u kif kien jaħsibha. Din is-sejħa tfisser li l-persuna tagħmilha ma’ Ġesù u twasslu biex ibiddel ħajtu minn sajjied għal sajjied tal-bnedmin. Il-vokazzjoni tfisser sejħa għal stat ta’ ħajja bħalma hi vokazzjoni saċerdotali jew ħajja kkonsagrata li twassal lill-bniedem ikun f’postu u jkun kuntent.

Ġesù jenfasizza ħafna biex nisimgħu leħnu. Kif ser nisimgħu leħnu? Kif nistgħu ngħinnu lit-tfal tagħna jisimgħu leħnu? Meta kulħadd qed jiġi d-dar għal ħin partikolari għal ħin limitat, huwa punt tajjeb fejn wieħed imidd idu, kulħadd jissapportja lil xulxin fil-qadi tad-dar. Għalhekk, huwa meta t-tfal jitrawmu f’dawn il-valuri ta’ mħabba, ta’ servizz u ta’ għotja, li għandu jwassal biex il-vokazzjoni tkun aktar faċli għax il-ħajja ta’ saċerdot titlob li ma tħarisx ’il ġewwa imma li tħares ’il barra biex tkun qaddej tajjeb. F’dinja fejn iżżid ftit misħun u għandek soppa, fejn tixgħel swiċċ u l-affarijiet isiru weħidhom kif ser tgħin lit-tfal biex jieħdu deċiżjoni? Il-vokazzjoni tista tistona għax mhux xi ħaġa li ssir malajr. Imma xi ħaġa li  trid tieħu ż-żmien. Għalhekk l-ammont ta’ komunikazzjoni fil-familja huwa importanti għax jgħin lil persuna tiskopri li Alla qed isejjaħlu u ma jibżax jitkellem dwarha.

Importanti ħafna li nrawmu lit-tfal għal mumenti ta’ silenzju, għal mument li tapprezza l-mument preżenti, li tgħinnhom jirringrazzjaw lill-Mulej ta’ dak li għamel magħhom, ta’ dak li rċivew matul dik il-ġurnata, tal-ikel u ta’ kull ħaġa oħra. Li wieħed japprezza l-mument tas-skiet qabel ma jorqod jista’ jkun ħin tajjeb fejn idur lejn il-Mulej. Dawn il-mumenti żgħar jgħinnu ħafna lit-tfal biex fl-azzjonijiet u fid-deċizjonijiet tagħhom idaħħlu dejjem lil Alla u jistaqsu: “Mulej x’tixtieq minni? Mhux x’nixtieq jien imma x’tixtieq Int? Ejjew inrawmu lit-tfal sa minn età żgħira biex ma jibżgħux iħobbu lil Alla u li Alla jkun xi ħadd importanti għalihom, dak li jrid jibni relazzjoni ħajja ma’ kull persuna. Din hi relazzjoni li Ġesù jixtieq li jkollu magħna, u aħna miegħu li lilna jafna personalment wieħed wieħed u waħda waħda. Ġesù jrid, jixtieq, u hu mxennaq li jkollu relazzjoni personali miegħek. Inti uniku… inti unika. Għalhekk ejjew inħallu lil Ġesù r-Ragħaj ikun hu l-mudell li nistgħu ngħadduh lil oħrajn.

***

Ġw 10:1-10

“Tassew tassew ngħidilkom, min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra, dak hu ħalliel u brigant. Imma min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj  tan-nagħaġ. Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ, in-nagħaġ minn leħnu jisimgħu, u hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom u joħroġhom barra. U meta joħroġ in-nagħaġ tiegħu, huwa jmur quddiemhom u n-nagħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu. Imma wara wieħed barrani ma jimxux, anzi jaħarbu minnu, għax leħen barrani ma jafuhx.” Din il-parabbola qalilhom Ġesù, iżda huma ma fehmux x’ried jgħidilhom biha.

Għalhekk Ġesù raġa’ qalilhom: “Tassew tassew ngħidilkom li  l-bieb tan-nagħaġ huwa jien. Dawk kollha li ġew sa issa qabli huma ħallelin u briganti. Iżda n-nagħaġ lilhom ma semgħuhomx. Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa. Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra.