Għid il-Ħamsin

Veni Sancte Spiritus!

Illum qed niċċelebraw waħda mill-akbar festi tal-Knisja, qed niċċelebraw l-jum li jfakkar  it-twelid tal-Knisja. Kollox beda f’dan il-Jum, bl-inżul tal-Ispirtu s-Santu. Fl-aħħar ikla, Ġesù jagħmel wegħda lid-dixxipli tiegħu li wara t-tluq tiegħu minn din id-dinja kien ser jibgħatilhom id-don tal-Missier, jiġifieri l-Ispirtu s-Santu. Din il-wegħda ta’ Ġesù ġiet fis-seħħ nhar Għid il-Ħamsin, mingħajr ħadd ma kien qed jistenna li se jseħħ dak li seħħ, ibda mid-dixxipli tiegħu. Il-Papa Franġisku f’Omelija nhar Għid il-Ħamsin jgħid: “Kristu msebbaħ fuq il-lemin tal-Missier jissokkta jwettaq il-wegħda tiegħu, u jibgħat fuq il-Knisja lill-Ispirtu li jagħti l-ħajja, li jgħallimna u jfakkarna u jagħtina l-kelma.”

Id-Dixxipli tiegħu minkejja l-biża’ u dak li kienu qegħdin iħossu ħallew lill-Ispirtu jidħol ġewwa fihom biex iġeddidhom u jimlihom bil-kuraġġ biex ixandru lil Kristu Rxuxtat. Il-Ħidma tal-Ispirtu s-Santu hija dik li tagħmel id-differenza, tgħallem, ġġedded, tbiddel, tqajjem u ssaħħaħ. Xejn ma jibqa’ l-istess! Kien permezz t’hekk li d-dixxipli setgħu jitilqu u joħorgu jħabbru l-bxara t-tajba lil Kulħadd. Kif insibu fl-Atti tal-Appostli, Ġesù kien ċar magħhom, ma kellomx jitilqu minn Ġerusalemm qabel ma jirċievu din il-qawwa straodrinarja tal-Ispirtu s-Santu.

Dan għandna napplikawh għalina fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Irridu nieħdu din l-attitudni tal-Appostli u nneħħu l-biża’ minn ġewwa fina. M’għandniex nibżgħu minn dak li hu tajjeb, irridu nintelqu f’idejn l-Ispirtu u nħalluh imexxina fit-triq it-tajba. Għidna li l-Ispirtu s-Santu jġedded, għalhekk ejjew ukoll inħallu l-Ispirtu s-Santu jurina s-sinjali tiegħu biex inħalluh iġeddidna u jibdilna. Ma rridux nibżgħu nibdlu l-attitudni tagħna, d-drawwiet tagħna u ix-xewqat tagħna. L-ewwel ħaġa li rridu nagħmlu huwa li niġġeddu aħna biex b’hekk inkunu nistgħu nwasslu li Ġesù lil oħrajn u nġeddu l-Knisja li hi tant għal qalbna. Il-Knisja għandha missjoni għalina, bħalma Ġesù bagħat lid-dixxpli tiegħu f’nhar Għid il-Ħamsin, hekk ukoll tibgħat lilna llum u tagħtina missjoni. L-ewwelnett li nkunu nsara u mbagħad li nkunu xhieda ħajja permezz ta’ ħajjitna fost l-oħrajn.

Għalhekk irridu nsibu l-ħin biex nistaqsu lilna nfusna mistoqsijiet bħal; Inqis l-Ispirtu s-Santu bħala persuna oħra tat-Trinita Qaddisa? Qed nagħraf x’inhu jgħidli dan l-Ispirtu fil-ħajja tiegħi? Qed ngħix verament dak li jrid l-Ispritu minni jew qed ngħix kif jidhirli jien?

Ejjew ma ninsew qatt li “bnedmin ġodda fi Kristu biss ikunu kapaċi jġeddu wkoll lid-dinja… Ma nistgħux inġeddu l-Knisja billi nġeddu lill-oħrajn, iżda billi niġġeddu aħna nfusna” (V. Bachelet). Għalhekk nitolbu l-Ispirtu, mhux f’Għid il-Ħamsin biss imma fil-jiem kollha ta’ ħajjitna  biex ikompli jġeddidna u jidħol fil-ħajja tagħna filwaqt li ngħidulu; Veni Sancte Spiritus, Ejja Spirtu S-Santu!

***

Ġw 20:19-23

Dak in-nhar fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Mbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.” Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu  s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.”