Poplu mżejjen b’ħafna doni

Kemm taf tkun differenti ħajtek u l-ħajja tal-Knisja f’pajjiżna, jekk ikun hawn iktar vokazzjonijiet!  Alla ħalaqna għal skop partikolari.  Ilkoll għandna triq magħmula għalina biex nimxu wara Ġesù.  Din it-triq insejħulha ‘vokazzjoni’. 

Ħafna żgħażagħ x’aktarx jiżżewġu u jkollhom il-familja tagħhom.  Hemm il-ħajja reliġjuża, li hija mibnija fuq sejħa għal ħajja mogħtija lil Alla f’komunità skond skop (kariżma) partikolari.

Imma l-bażi tal-ħidma fid-djoċesi hi mwettqa mis-saċerdoti djoċesani li jieħdu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali tan-nies li jgħixu f’lokalità msejħa ‘djoċesi’ (għalhekk l-isem ‘djoċesani’; Malta hija djoċesi).  Bħala saċerdoti naħdmu bħala tim, immexxi mill-Arċisqof (li hu dak responsabbli mid-djoċesi).  Dan il-ministeru djoċesan ilu għaddej minn żmien l-Appostli.  Il-biċċa l-kbira tas-saċerdoti djoċesani jaħdmu fil-parroċċi. Bosta drabi jkunu huma l-ewwel punt ta’ kuntatt bejn in-nies u l-Knisja.  Is-Seminarju hu l-post fejn dawn iż-żgħażagħ jippreparaw lilhom infushom għal din il-ħidma sabiħa.

Int li qed iżżur dan is-site, jew li sibt ruħek hawn, forsi tistaqsi vokazzjoni kif tibda? Tibda billi xi ħadd jieħu azzjoni.  U dan jolqot lilek ukoll.  Għalhekk inħeġġek biex titlob li tfal u żgħażagħ ikollhom il-kuraġġ u l-ġenerożità li jgħidu ‘iva’ meta jkun il-waqt għalihom…  Tista’ tgħin lil xi ħadd li taf biex iwieġeb ‘iva’ għas-sejħa tas-saċerdozju…  Forsi tista’ tkun int stess… Min jaf?  Jekk għandek bejn 17 u 35 sena…  Jekk forsi għaddielek minn moħħok li tagħti ħajtek lil Alla… Tiqafx hawn. Jekk trid niltaqgħu, bil-qalb kollha.

Fr Michael Bellizzi

[email protected]