Ħames żgħażagħ itennu “Hawn Jien”

Nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Marzu ħames seminaristi għamlu l-ewwel pass uffiċċjali fil-mixja tagħhom ta’ formazzjoni lejn is-saċerdozju fiċ-ċerimonja tal-Kandidatura.

Fil-Bibbja naraw kif Alla jsejjaħ diversi persuni b’isimhom biex jafdalhom missjoni f’idejhom. Ħafna drabi, wara li jkunu ħasbuha sew, narawhom iwieġbu għas-sejħa li jkun għamlilhom il-Mulej bil-kelmiet “Hawn Jien”.

Fit-tweġiba għas-sejħa tiegħu, is-seminarista ukoll jasal mument fejn b’mod pubbliku quddiem  il-Knisja, ilissen il-kelmiet “Hawn Jien”. Din it-tweġiba però tikkonsisti f’diversi “tarġiet”, li wara xulxin ikomplu jippreparaw lis-seminarista biex eventwalment isir saċerdot skont il-qalb ta’ Ġesù.     L-ewwel waħda fost dawn hija ċ-ċelebrazzjoni tal-Kandidatura. F’dan l-ewwel pass is-seminarista, li jkun jonqsu madwar tliet snin biex jiġi ordnat saċerdot, jibda billi jitlob lill-Arċisqof biex jaċċettah bħala kandidat għall-ordinazzjoni saċerdotali, filwaqt li bil-għajnuna t’Alla jkun jista’ jkompli l-istudji tiegħu fis-Seminarju.

Ma nistgħux ngħidu li aħna ma nħossuniex xi ftit beżgħana quddiem dan kollu, imma b’fiduċja kbira fil-Mulej li sejħilna, żguri li HU ser ikun magħna. Għalhekk nitolbuk fuq kollox sabiex iżżommna fit-talb tiegħek ħalli nsiru tassew inħobbu iżjed lil Ġesù u nagħmlu dejjem dak li jixtieq minna hu.

                                                                Nitolbu għal xulxin
Sergio, Mark, Claude, James, Gilbert

[soliloquy id=”1122″]