Iċċelebrajna l-vokazzjoni ta’ xulxin!

laqgha Vokazzjonijiet

Kemm hu sabiħ meta taqsam l-esperjenza tiegħek mal-oħrajn! Dan il-qsim ta’ esperjenzi kien fiċ-ċentru ta’ attività vokazzjonali li saret nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Mejju ġewwa Buġibba.

Numru sabiħ minna s-seminaristi ngħaqadna ma’ diversi studenti reliġjużi, kemm patrijiet u kif ukoll sorijiet, u flimkien iċċelebrajna quddiesa, kellna mument ta’ adorazzjoni, u għamilna outreach fit-toroq ta’ Buġibba. L-għan ta’ dan l-outreach kien li noħorġu fit-toroq fi gruppi, u nieqfu nkellmu nies u nitkellmu magħhom dwar xi tfisser għalina l-imħabba t’ Alla u l-vokazzjoni. Stedinnihom għall-adorazzjoni li kienet għaddejja fil-knisja ta’ San Massimiljanu Kolbe. Numru mhux żgħir ta’ nies waqfu jkellmuna u ipparteċipaw f’din l-inizjattiva.

Apparti s-sbuħija ta’ dawn il-laqgħat qosra, kienu wkoll sbieħ il-mumenti li qattajna flimkien ma’ żgħażagħ oħra li qegħdin fl-istess triq ta’ formazzjoni vokazzjonali – b’hekk iċċelebrajna tassew il-vokazzjoni ta’ xulxin!

Ħajr lil www.sejhafrangiskana.com tar-ritratt.