Jien Normali?

Bħalissa fil-midja għaddejja diskussjoni dwar l-età ta’ meta persuna tista’ tagħti kunsens sesswali. Dan juri kemm is-sess jingħata importanza fid-dinja tal-lum. Allura tiġi l-mistoqsija: huwa ‘normali’ min ma jagħżilx stil ta’ ħajja li jinkludi s-sess? Xi tfisser li persuna tkun ċelibi?

Iċ-ċelibat huwa stat ta’ ħajja fejn is-saċerdot ma jintrabatx ma’ persuna waħda (bħalma jiġri fiż-żwieġ) imma għażla biex ikun miftuħ ħalli jirċievi l-imħabba ta’ Alla espressa fil-poplu li jkun qed jaqdi. Dan il-ftuħ ma jitfaċċax f’daqqa, imma jikber fil-qalb tas-seminarista b’mod speċjali ġewwa s-seminarju, matul is-seba’ snin ta’ formazzjoni għas-saċerdozju. Għalhekk dak li hemm fija u li nħoss, l-uman li jiġbidni lejn id-dinja u lejn dak li hu tanġibli, mhuwiex iżolat minn dak li jien.

Din hija l-integrazzjoni ta’ dak kollu li jien: il-bżonn li nħobb u nkun maħbub, li nkun liberu; pero b’direzzjoni u mhux kif ġieb u laħaq. Kif jgħid San Pawl lill-Korintin, hija l-imħabba ta’ Alla li ssuqni – iktar u iktar fiċ-ċelibat. Dan jinvolvi sagrifiċċju u sforz, li noħroġ minni nnifsi biex nilqa’ lill-ieħor, imma l-inizjattiva tibqa’ dejjem ta’ Alla. U forsi għalhekk illum hija ftit iżjed diffiċli li nifhmu s-sens taċ-ċelibat, għax fija l-ewwel wieħed hemm il-kilba li ħaġa tkun tiegħi u skont dak li jien. Irrid nippjana ħajti skont dak li jidhirli huwa l-aħjar. Imma Ġesù ma tantx qagħad ifittex ir-rieda tiegħu nnifsu fuq is-salib. Kien qiegħed jingħata għalina biex isalvana, u dan juri s-sens veru taċ-ċelibat. Kif jgħid San Ġwann Marija Vianney, is-saċerdot huwa l-imħabba tal-qalb ta’ Ġesù; imħabba li jiskopriha matul il-ħajja speċjalment meta jagħraf jilqa’ mill-qalb ta’ Ġesù kull mument bħala rigal minn Alla. B’hekk iċ-ċelibat mhuwiex xi ħaġa barra min-normal jew impossibli, imma reali daqskemm il-preżenza ta’ Alla hi ħajja hawn u issa!

Fl-għaqda tiegħu ma’ Alla, is-saċerdot huwa msejjaħ biex iħalli lil qalbu titwessa sabiex tkun dejjem iżjed bħall-qalb ta’ Alla, u jitgħallem iħobb bħalma jħobb Alla u jħobb lil dawk li Alla jħobb. Din hi l-grazzja taċ-ċelibat: li l-persuna ċelibi tħobb mhux kif trid hi imma kif irid Alla. Ir-raġel ċelibi, b’din l-imħabba tħeġġeġ ġewwa fih, iħalli lilu nnifsu jiġi trasformat b’mod radikali fil-mod ta’ kif iħobb, il-mod ta’ kif jaqdi, il-mod ta’ kif iħares lejn l-oħrajn u l-mod ta’ kif jingħata lill-oħrajn. Il-ħajja tal-persuna ċelibi hija għotja radikali għas-servizz tal-persuna l-oħra.

Din l-għotja fiċ-ċelibat hija għażla konxja u libera ta’ ħajja li hija orjentata lejn qadi b’qalb tħeġġeġ bl-imħabba … mhijiex l-għażla li wieħed ikun għażeb. Mhux ta’ b’xejn li San Ġorġ Preca kien jgħid li għandu jkollna qalb tal-laħam għall-proxxmu! Din hi l-ħajja li għażilt jiena, li nħalli lil Alla jkellimni fil-qalb tiegħi permezz tal-oħrajn li jixtieq ilaqqagħni magħhom u naqdihom. Bħalissa qed nipprova ngħix din l-imħabba ġewwa s-seminarju flimkien ma’ sħabi s-seminaristi. Dan jista’ jsir għax il-Knisja qed tipprovdili post – is-seminarju – fejn nista’ ngħix f’komunità u nistudja.

Jekk tixtieq li f’dan il-weekend tistaqsi xi ħaġa jew tidħol f’kuntatt mas-seminarju, ser inkun preżenti fil-parroċċa ta’ Santu Wistin, Il-Belt Valletta. Huwa ta’ pjaċir u ferħ għalija li niltaqa’ miegħek!