Jew Tiegħi jew Xejn

Dak li għaddej bħalissa madwarna jfakkarni fid-diska ta’ John Lennon “Imagine”. F’din id-diska John Lennon jidentifika żewġ problemi fid-dinja: il-problema tal-idealiżmu reliġjuż u l-problema tal-kontroll. Fil-Lvant Nofsani u n-naħa ta’ fuq tal-Afrika, kif ukoll naraw l-effeti tagħha fl-Ewropa, hemm kunflitti SFenech_Illummqajma minħabba l-idealiżmu reliġjuż. Filwaqt li fl-Ukrajna għandek kunflitt imqajjem minn kontroll fuq territorju. Għal dan John Lennon joffri soluzzjoni li kulħadd ikun l-istess u jaħseb l-istess, imma hija verament soluzzjoni? Aristotile jgħid li biex tevita l-kuntrarju, tgħid xejn, tagħmel xejn, u tkun xejn. Imma jien nixtieq inkun xi ħaġa, anzi jien xi ħadd, jien individwu. Għal dan il-fatt ma jistax ikun li nevitaw il-kunflitti għax jekk jien nagħżel li naġixxi b’ċertu mod huwa ovvju li ser nikkuntrarja lil ħaddieħor. Il-problema mhijiex il-kunflitt imma l-attitudni “jew tiegħi jew xejn”. F’dan ir-rigward niftakar f’anime Ġappuniż bl-isem ta’ “Naruto” li jlaqqagħna ma’ persuna li tixtieq issib soluzzjoni għall-paċi. F’din il-mixja tiegħu tal-ħajja, iċ-ċirkostanzi jgħallmuh li hu f’kunflitt li inti tista’ ssir verament taf lil xi ħadd. Biss trid iżomm ma’ tlett prinċipji. L-ewwel hu li waqt il-kunflitt qatt ma tħares ’l isfel lejn dak li qed jikkuntrarjak; trid tagħrfu bħala persuna bħalek u li kapaċi daqsek. It-tieni hu li waqt il-kunflitt tagħti u tirċievi, u tixtarr sewwa dak li ser tagħti u dak li qed tirċievi. It-tielet hu li tagħraf li għalkemm inti għandek ideal, inti stess għadek qed tagħrfu u ma tafux b’mod assolut. Jekk iżżomm dawn it-tlett prinċipji waqt kunflitt, il-persuna tikber u ssir persuna aħjar.

Jien għażilt li nħaddan it-twemmin nisrani, għażilt li ngħix ċerti valuri. Għaraft ukoll is-sejħa għas-saċerdozju. Dawn l-għażliet fil-ħajja tefgħuni f’kuntrast ma’ persuni oħra li għamlu għażliet u kellhom ħsieb differenti minn tiegħi. Kull darba li ltqajt ma’ dawn il-persuni kemm-il darba ġejna f’diskusjoni rigward ideali u għażliet li għamilna f’ħajjitna li huma kontra ta’ xulxin. Kien hemm drabi fejn b’dispjaċir kont stinat u ma għaraftx nimxi ma’ dawn it-tlett prinċipji u ħallejt dawn il-laqgħat b’togħma ħażina u dispjaċir. Imma f’dawk il-mumenti fejn għaraft nimxi ma’ dawn it-tlett prinċipji jkolli ngħid li dejjem spiċċajt b’ħabib ġdid u b’għarfien  iktar profonda u ċara tal-ideali tiegħi. Dan lili għallimni li l-problema mhijiex li wieħed jagħmel deċiżjoni u li permezz ta’ hekk jiġi f’kunflitt ma’ oħrajn. Il-problema hija l-konvinzjoni li dak li sirt naf u għażilt huwa assolut, ħaġa li aħna bħala persuni ma nistgħux nagħmluha. Irridu nagħrfu l-limiti tagħna u nagħrfu l-fatt li r-realtà hija ferm aktar kumplessa milli wieħed jaħseb u jifhem. Għalhekk wieħed qatt ma għandu jieqaf ifittex jew jibqa’ mwaħħal fl-ideat tiegħu. Wieħed għandu dejjem jibqa’ jitfa’ f’kuntrast l-ideat tiegħu ma’ dak ta’ oħrajn u hekk jasal għall-verità, għall-ferħ, għall-paċi fiha nnifisha. Dan lili wassalni għall-għarfien ta’ Alla u nistiednek li inti wkoll tibqa’ tfittex.

 

Dan l-artiklu deher fuq l-Illum nhar is-17 ta’ Marzu 2015.

Agħfas hawn għal-artiklu