F’dan il-Ġublew tal-Ħniena aħna mħeġġa biex immorru pellegrinaġġ sa wieħed mill-Bibien tal-Ħniena li nsibu fil-Katidral tal-Imdina, fil-Bażilika tal-Isla u fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa biex nieħdu sehem aktar sħiħ f’dan il-Ġublew bħala mument kbir ta’ grazzja u tiġdid spiritwali. Il-pellegrinaġġ huwa importanti f’dan il-Ġublew tal-Ħniena għax jirrappreżenta l-vjaġġ li lkoll nagħmlu f’ħajjitna.

F’Misericordiae Vultus, Papa Franġisku jikteb li l-ħajja nfisha hi pellegrinaġġ, u l-bniedem hu pellegrin li jimxi matul it-triq lejn id-destinazzjoni mixtieqa. Bl-istess mod, li timxi sal-Bieb tal-Ħniena hu pellegrinaġġ li jfakkarna li l-maħfra hi għan li tintlaħaq u biex tintlaħaq teħtieġ indiema, dedikazzjoni u sagrifiċċju. Il-pellegrinaġġ jista’ jwassal għall-konverżjoni, għax li tgħaddi mill-Bieb tal-Ħniena tfisser li ssib is-saħħa li tilqa’ l-ħniena t’Alla u li niddedikaw lilna nfusna biex inkunu ħanina mal-oħrajn kif il-Missier hu ħanin magħna.Il-pellegrinaġġ għandu tifsira importanti fit-tradizzjoni Lhudija u nisranija. Abraham ħalla artu u, għax emmen, mexa lejn l-art li Alla wiegħdu. Il-poplu t’Iżrael mexa għal erbgħin sena sħaħ bejn il-ħruġ mill-Eġittu u l-wasla fl-art imwiegħda. Ġesù wkoll għadda jagħmel il-ġid (Atti 10,38) fit-toroq tal-Galilija, tas-Samarija u tal-Lhudija. Ġesù, jikteb Papa Franġisku, jurina kif għandna nimxu l-pellegrinaġġ tagħna: ma niġġudikawx lill-oħrajn u ma nikkundannawhomx, imma naħfru u nagħtu mingħajr ma nistennew xejn lura (Lq 6,37-38). Wara l-qawmien mill-imwiet Ġesù mexa ma’ żewġ dixxipli fi triqthom lejn Emmaws biex jurina li l-ħajja hi mixja m’Alla (Lq 24, 13-35).

Fit-triq nagħrfu qabel xejn il-limitazzjonijiet u r-reżistenzi tagħna. Il-pellegrin, hu u miexi, jista’ jaqbdu l-għatx u ma jkollox mnejn jixrob; jista’ jkun għajjien u mweġġa’ mill-mixi, iżda jkollu jkompli jimxi biex isib kenn għal-lejl; f’waqtiet jista’ jħossu waħdu għax ma jkollux ma’ min jimxi, u f’waqtiet oħra jista’ jkun imdejjaq minħabba dawk li qed jimxu miegħu. Il-pellegrin jiġi wiċċ imb wiċċ mar-realtà tiegħu nnifsu, forsi mal-fallimenti u t-telfiet tiegħu. F’ħajjitna wkoll, ħafna drabi, irridu dak li m’għandniex, nitħabtu għal dak li għandna bżonn, u nfittxu fl-oħrajn dak li mhumiex. Il-ħajja, bħall-pellegrinaġġ, tgħajjijna, forsi taljenana; għalhekk, fil-ħajja bħal f’pellegrinaġġ, hemm bżonn li nieqfu biex nistrieħu, biex naħsbu, u biex nitolbu.

Fi triqthom lejn Emmaws, iż-żewġ dixxipli ltaqgħu mal-Pellegrin mingħajr m’għarfuh, sakemm stiednuh jibqa’ magħhom u għarfuh fil-qsim tal-ħobż. Għalhekk, minn dakinhar ’il quddiem kull pellegrin li niltaqgħu miegħu fit-triq jista’ jkun il-Pellegrin; kull barrani, kull fqir li niltaqgħu miegħu fit-triq jista’ jkun il-Mulej. Kull mument, anke dak l-aktar ordinarju, jista’ jkun il-mument tal-preżenza tiegħu f’ħajjitna.

Għal aktar informazzjoni dwar pellegrinaġġi għall-iskejjel u għall-gruppi taż-żgħażagħ, żur seminary.org.mt/pellegrin

Comments