Ir-Raba’ Ħadd tal-Avvent

Guido_Reni_-_St_Joseph_with_the_Infant_Jesus

Xejn la tibża’ – Mt 1:18-24

Fl-Evanġelju ta’ San Luqa, ir-rakkonti tal-infanzja ta’ Ġesù huma ċentrati mal-figura ta’ Marija. Ir-rakkonti tal-infanzja fis-silta ta’ San Mattew li naqraw fir-raba’ Ħadd tal-Avvent huma ċentrati madwar il-figura ta’ Ġużeppi, l-għarus ta’ Marija li jaċċetta lil Ġesù bħala l-iben tiegħu. Ġużeppi ġej min-nisel ta’ David, u huwa permezz tiegħu li Ġesù jappartjeni għal dan in-nisel. Għalhekk huwa f’Ġesù li jintlaħaq il-qofol tal-wegħdiet li Alla jagħmel lil David u n-nisel tiegħu. Ninsabu hawn f’kuntest taż-żwieġ u l-għerusija ta’ Ġużeppi u Marija, u tajjeb li nżommu quddiem għajnejna li dak li nifhmu bi żwieġ u għerusija llum mhux l-istess bħal fi żmien Ġużeppi u Marija.

Mattew hawn jurina t-taħwid u dak li għadda minnu Ġużeppi flimkien ma’ Marija. Għal Marija, li tinqabad tqila qabel ma kienet qed tgħix ma’ Ġużeppi kienet tidher li qed tagħmel xi ħaġa ta’ għajb u ta’ ksur il-liġi għan-nies ta’ dak iż-żmien. Ħadd ma kien jaf x’kien qed iseħħ – li dan kien kollu pjan ta’ Alla. Hu propju ħabba f’hekk  li Ġużeppi jidħol f’dilemma kbira. Din id-dilemma ġejja mill-fatt  li kien raġel ġust. Kien raġel li jobdi u jħares dak li l-liġi kienet tgħid fl-iskrittura. F’din is-sitwazzjoni biex Ġużeppi jimxi mal-liġi ried jitlaq lil Marija u jħalliha tiġi kkastigata u x’aktarx imħaġġra.

Ġużeppi jagħmel pass ‘il quddiem u jagħmel mixja mill-konfużjoni li kien fiha, għad-dawl fil-ħajja tiegħu permezz tal-ħolma li kellu fejn dehrlu l-anġlu tal-Mulej. Naraw li l-ħolm li nsibu fl-iskrittura jagħti direzzjoni għall-futur. Hu propju permezz ta’ din il-ħolma li Ġużeppi jirrisolvi d-dilemma tiegħu u jagħti direzzjoni għall-futur tiegħu. Xi grazzja dik li tkun strument f’idejn Alla biex iwettaq il-pjan tas-salvazzjoni tiegħu. Min jaf x’bidla ta’ emozzjonjiet ħass fih Ġużeppi wara li kellu din il-ħolma?

Biex inqabblu dan mal-ħajja tagħna ta’ kuljum, min jaf kemm-il darba nħossuna falluti jew ma nifhmux xi ħaġa li nkunu għaddejjin minnha. Irridu nżommu quddiem għajnejna l-figuri ta’ Ġużeppi u Marija li ma beżgħux jagħtu l-‘iva’ tagħhom mill-ewwel għal dak li ried minnhom Alla. Għalhekk ejjew nirriflettu b’mod personali u nistaqsu lilna nfusna: kemm qiegħed nagħmel ħilti biex nagħraf u ngħix il-pjan ta’ Alla fil-ħajja tiegħi? Kemm qiegħed inżomm quddiem għajnejja li m’għandix nibża’ għaliex Alla hu dejjem magħna?

Allura f’dan iż-żmien li qegħdin nippreparaw għall-miġja ta’ Ġesù fostna, ejjew nimxu fuq il-passi ta’ Ġużeppi u Marija, persuni ta’ fidi kbira li, minkejja l-biża’ li ħakmithom għax kienu bnedmin bħalna, kienu lesti jimxu u jintelqu b’mod sħiħ fil-pjan ta’ Alla għalihom.

 

***

Mt 1:18-24

It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies. Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu  s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom.” Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal:

‘Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben,

u jsemmuh Għimmanu-El’,

Li bi lsienna jfisser ‘Alla magħna’. Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu.