Destinazzjoni Kitwe, l-Afrika. Għaliex le?

Destinazzjoni Kitwe, l-Afrika

Jisimni Pasquale Marazzita. Jien Taljan, imwieled fil-belt ta’ Crotone, li qiegħda n-naħa t’isfel tal-Italja. Għandi disgħa u tletin sena, u jien inġinier. Bħalissa qed ngħix esperjenza ta’ formazzjoni  bħala seminarist fis-seminarju Redemptoris Mater f’Kitwe, iz-Zambia, fl-Afrika. Din hi l-ħames sena tiegħi fis-seminarju, u matul dan iż-żmien rajt kemm Alla wettaq affarijiet sbieħ fil-ħajja tiegħi, tant li bidilha mill-qiegħ nett u għamel minni bniedem liberu. Barra minn hekk, ili tmien snin fil-Mixja Neokatekumenali.

Ħames snin ilu ħajti kienet iddur mal-karriera. Ridt naqla’ ħafna flus, niżżewweġ u nibni familja; affarijiet għal kollox normali fil-ħajja ta’ raġel. Imma kont inħoss xi ħaġa tgħidli li l-affarijiet mhux hekk se jmorru. Nistqarr magħkom li, għalkemm gradwajt u kelli xogħol tajjeb l-Universita, u għalkemm kelli tfajla li kont inħobb u li kelli niżżewweġ u jkolli t-tfal magħha, xorta kien hemm xi ħaġa fija li ma kinitx f’postha. Kont inħossni vojt, mingħajr skop f’ħajti. Għalkemm kont naħseb li jien ħieles, fil-verità kont skjav tiegħi nnifsi. Seħħ miraklu u, għall-ewwel darba f’ħajti, ħassejtni qiegħed fil-post it-tajjeb u fil-ħin it-tajjeb. Alla sejjaħli u qalli: ‘Lest titlaq kollox u timxi warajja?’ Jien, bis-sinċerità kollha, weġibtu: ‘U fejn tridni nimxi warajk?’  U Hu qalli: ‘Destinazzjoni Kitwe, l-Afrika. Itlaq kollox: il-familja, ix-xogħol, il-proġetti kollha li kellek, u vvjaġġa ħafif…. u bilħaqq: tinsiex iġġib miegħek id-dnubiet tiegħek kollha, għax se jkollok bżonnhom. L-aħħar ħaġa: afda fija’. U jien weġibt: ‘Kitwe? L-Afrika? Għaliex le?’ Tlaqt, u ħadt miegħi żewġ bagalji daqshiex, il-kompjuter, u d-dnubiet tiegħi kollha: ma tantx ivvjaġġajt ħafif! Niftakar li ħafna nies li kienu jafuni, fosthom kolleġi tax-xogħol, familjari u ħbieb, bdew jgħodduni b’miġnun. Trid tkun miġnun biex titlaq ix-xogħol, il-familja u l-kumditajiet tal-ħajja tal-lum biex tidħol f’seminarju ‘l bogħod minn pajjiżek (biex tgħaxxaqha l-Afrika!). Fi ftit kliem, trid tkun miġnun biex tinqafel “ġo ħabs”, għax għalihom hekk kienet tfisser l-għażla tiegħi.

Fil-bidu, il-ħajja fis-seminarju ma kienet faċli xejn. Il-lingwa, it-tradizzjonijiet ta’ dan il-poplu, il-faqar, id-djar skomdi u maħmuġin, in-nuqqas t’elettriku għal bejn sitta u tmien sigħat sħaħ, in-nuqqas ta’ żvilupp, it-toroq mhux asfaltati u bla dawl, in-nuqqas ta’ internet, l-istudju, il-komunità… dan kollu għamilhieli diffiċli ħafna biex nidra matul l-ewwel sena. Ħafna xogħol li jrid isir fi ftit ħin. Sinċerament ngħidilkom li jien la jien xi Superman u lanqas xi qaddis, imma ftit ftit Alla ħelisni minn dawk l-affarijiet kollha li kienu qed jagħmluni skjav. Alla tani l-possibilta li niddixxerni dwar il-ħajja tiegħi, li niftaħ għajnejja beraħ u nara s-sinjali ċari li Hu jagħtini ta’ kuljum biex jgħidli kemm iħobbni. Hu għeni nsir inħobb lil din l-art u lil dawk li jgħixu hawn, tant li d-diffikultajiet tagħhom saru d-diffikultajiet tiegħi. Barra minn hekk, fhimt li minix maqful ġo ħabs. Veru li l-ħajja fis-seminarju mhix faċli, imma billi nimxi mal-formazzjoni u billi nimxi mal-istil ta’ ħajja ta’ dawk li jiffurmawna u tal-katekisti tagħna, inħoss li jien tassew liberu fl-għażliet tiegħi. Inħoss li jien protett. Kultant ninnota li kollox bil-maqlub: jien fis-seminarju u ħieles, waqt li ħaddieħor ħabsi fid-dinja. Jekk nipprova nimxi ‘l quddiem waħdi u bis-saħħa tal-ħiliet tiegħi biss, żgur nispiċċa ngħid: ‘Ħa nitlaq id-dar’. Fl-istess waqt ninduna li dan hu miraklu ieħor ta’ Alla, għax wara ħames snin għadni hawn, miexi wara l-Mulej, u nsibu f’dawn in-nies li għandhom bżonn lil Kristu u li jfittxuh b’qalbhom kollha. Nistqarr magħkom li jien kuntent li qed ngħix l-Afrika u li qed nagħmel ir-rieda t’Alla, minkejja d-diffikultajiet tiegħi, minkejja d-difetti tiegħi u l-kriżijiet tiegħi, li Alla għeni nifhem u li huma bżonjużi sabiex inkun nista noħroġ mill-ħabs li jien stess kont ħloqt għalija nnifsi. Irċevejt ħafna rigali mingħand Alla: familja akbar, bnedmin li jittrasmettu l-wiċċ ta’ Kristu fit-tbatija tagħhom, il-grazzja li nkun għas-servizz tal-oħrajn f’isem Kristu… Nemmen li l-mixja ta’ formazzjoni tiegħi għada mhux lesta, u jista’ jkun li qatt mhi se tkun lesta għax Alla jrid li ta’ kuljum nikkonverti u nimxi warajh. Issa bdejt nilbes l-iswed bil-kular abjad: miraklu ieħor mingħand Alla. Li tafda f’Alla jfisser propju dan: li tkun sinjal u strument f’idejh u li tkompli l-ħsieb tiegħu ta’ salvazzjoni, anke hawn fl-Afrika. Lili għal dan sejjaħli u ma rridx niddiżappuntah. Grazzi Mulej talli ġibtni hawn fl-Afrika u talli tajt sens lill-ħajja tiegħi. Nitolbok li ma tneħħi qatt idejk minn fuq rasi.