Il-Ħames Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Waħda u tajba! – Mt 5, 13-16

“Il-ħajja hi ta’ darba, imma jekk tgħixha tajjeb, darba għandha tkun biżżejjed.” Dan huwa l-eqreb li stajt nasal fit-traduzzjoni għall-Malti ta’ dak li qal il-komiku u kantant Amerikan, Joe E. Lewis. Fl-Evanġelu ta’ din il-ġimgħa, li jkompli ma’ dak li qrajna l-ġimgħa l-oħra, insibu lil Ġesù jitkellem dwar li nkunu “melħ” u dwar kemm l-affarijiet li aħna ngħidu u nagħmlu huma evidenti.

Mhux l-ewwel darba li ngħidu li qed inħossuna aktar neżistu milli ngħixu, li qegħdin hawn fid-dinja praesente cadavere. Huwa tajjeb li nagħmlu ħilitna biex inkunu l-“melħ” li semma’ Kristu fl-Evanġelu. Daqskemm il-melħ, meta jintuża, iħalli l-effett tiegħu, aħna wkoll irridu nwarrbu l-indifferenza u nħallu marka minn kull fejn ngħaddu. Il-beatitudnijiet li tkellem fuqhom Ġesù l-ġimgħa l-oħra huma għodda tajba biex verament il-marka tan-Nisrani tkun hemm. Nixtieq niġbor dan kollu f’dawk li aħna nsejħulhom bħala l-virtujiet teologali, jiġifieri l-fidi, it-tama u l-imħabba (ara 1Kor 13, 13). Il-fatt li aħna nemmnu f’Ġesù u li kontinwament nitolbuh li jsaħħaħna fil-fidi tagħna jagħtina pedament sod għal dak kollu li aħna nagħmlu f’ħajjitna. Pero’ l-ħajja mhux dejjem tkun ward u żahar, u allura għandna bżonn ukoll tat-tama, li żżommna għaddejjin f’dawk il-mumenti meta l-pedament jkun qiegħed fil-periklu. Iżda dawn biss mhux biżżejjed. Biex inkunu vera melħ, biex inkunu Nsara ta’ veru, irridu nħobbu. Ma tagħmilx sens li jkolli l-pedament, ikolli dak li jsaħħu u mbagħad ma nibni xejn fuqu. Ma tagħmilx sens li n-Nisrani ma jħobbx. Kontinwament irrid nistaqsi lili nniffsi u nara jekk il-ħsibijiet, il-kliem u l-azzjonijiet tiegħi humiex mimlijin imħabba, iktar u iktar f’dawk l-affarijiet żgħar li nagħmel ta’ kuljum, għaliex jafu jkunu l-affarijiet li nagħmlu bl-inqas ħsieb.

Li tkun Nisrani huwa bħal meta tilbes l-uniformi tal-post tax-xogħol – tkun qiegħed kontinwament tirrapreżenta lil dak li qed turi. Bid-differenza li n-Nisrani ma jista’ qatt jagħżel li jneħħi l-uniformi tiegħu. Kull wieħed minna huwa Nisrani dejjem u kullimkien. Nafu x’responsabbiltà għandna? Nimmaġina lil Ġesù llum jgħid lilna lkoll li aħna wkoll qed inġorru ismu u isem ħutna Nsara kullimkien. Aħna qegħdin nidhru f’isimhom. Qiegħed inġib ġieħ lil dan l-isem b’dak kollu li qed nagħmel?

Ejjew illum nieħdu d-deċiżjoni li nħobbu ta’ vera, u li dan nagħmluh dejjem u kullimkien. Alla ħalaqna għax ħabbna. Tagħmel sens li nħobbu aħna wkoll. Niftakru li ħajjitna hi ta’ darba imma, jekk nħobbu verament lil kulħadd, darba għandha tkun biżżejjed!

***

Mt 5, 13-16

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Intom il-melħ tal-art. Imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu t-togħma? Ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies.

Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt is-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar. Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet”.