Is-Seba’ Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Seba' Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

B’għajnejn fuq it-triq u fuq dik il-bozza

Immaġina li waqt vjaġġ twil tant issuq b’attenzjoni biex ma tiksirx il-liġijiet tat-triq (ħaġa importanti ħafna) li ma tindunax li l-karozza qed jispiċċalha l-fuel. Biex żgur tkun moħħok hemm u ma titlaqx għajnejk minn fuq it-triq ma tħarisx lejn dik id-daqsxejn ta’ bozza tteptep bla għeda, sakemm fl-aħħar tieqaf u ma tista’ tmur imkien aktar.

Wieħed jista’ jpoġġi dawn it-tnejn f’kuntrast. X’inhu l-aktar importanti: li tosserva l-liġijiet tat-triq jew li tħares lejn dik il-bozza? Jekk biex tħares il-liġijiet tat-triq ifisser li tħares biss lejn it-triq u ma tagħti każ xejn aktar, ma tindunax bil-bozza tteptep. Min-naħa l-oħra jekk tkun moħħok il-ħin kollu lejn il-bozza titlef il-konċentrazzjoni minn fuq it-triq.

Attenzjoni lejn ħaġa waħda biss ittellef mill-iskop aħħari. Fil-vjaġġ tagħna l-importanti hu li tagħti każ it-tnejn għax l-aktar importanti mhix waħda jew l-oħra imma t-tnejn flimkien (b’mod ħolistiku) biex tilħaq l-iskop tiegħek. Tasal u tasal qawwi u sħiħ.

Ġesù ma kellux f’moħħu s-sewqan tal-karozzi, iżda bl-istess mod, fl-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd (is-VII Ħadd ta’ Matul is-Sena A), li hu silta żgħira mid-diskors tal-muntanja (Mt 5 – 7) ser nisimgħu li hu ma ġiex biex iwaqqa’ xi liġi partikolari imma biex jipperfezzjonaha. Fl-istess ħin ser nisimgħu lil Ġesù jgħallem lill-follol “il-liġi tiegħu”. Din mhix xi liġi ġdida imma liġi mwasla għall-milja tagħha (Mt 5, 17). F’din is-silta u oħrajn li nqraw fil-ġimgħat li għaddew meħudha mill-istess diskors, juruna lil Ġesù mhux imur kontra l-liġi imma jipperfezjonaha.

Dan iffiser li aħna għandna mhux biss nosservaw il-liġi b’mod sħiħ, imma li fuq kollox (forsi din l-aktar importanti) li nfittxu li nħarsu wkoll l-ispirtu tal-liġi. Mhux biss li nosservaw id-dettalji żgħar (ħafna drabi esterjuri – kważi kważi b’li nagħmlu l-minimu jkun biżżejjed) imma li ninżlu aktar fil-fond. Jeħtiġilna nfittxu l-qalba tal-liġi; dak li qed tistedinna nagħmlu u mhux sempliċement niffukaw fuq dak li ma tridnix nagħmlu. Dan il-proċess jitlob minna bidla interjuri.

Kultant lil min jdejqek tisplodih ikollok aptit mhux tħobbu. Għalkemm jista’ jkun ikollok raġun Ġesù lilna li nixtiequ nsiru nixbħuh (u nippruvaw nimitaw il-perfezzjoni tiegħu u tal-Missier) qed iħeġġiġna biex mhux sempliċement inħobbu lil min iħobbna – dik faċli tagħmilha – imma li nħobbu u naħfru (u mhux sempliċement ma ngħobodux) lil dawk li għalina jistgħu jkunu għedewwa. B’hekk mhux sempliċement nobdu regola, imma nfittxu dak li qed tistedinna nagħmlu.

Hu f’dan is-sens li aħna mħeġġin nilħqu l-perfezzjoni billi nsuqu b’għajnejn fuq it-triq u fuq dik il-bozza.

***

Mt 5, 38-48

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Smajtu xi ntqal: “Għajn b’għajn u sinna b’sinna”. Imma jiena ngħidilkom biex bniedem ħażin ma tiqfulux; anzi jekk xi ħadd jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll; u lil min ikun irid itellgħek il-qorti u jeħodlok il-libsa, ħallilu wkoll il-mantar. U jekk xi ħadd iġagħlek timxi miegħu mil wieħed, mur miegħu tnejn. Agħti lil min jitolbok u ddawwarx spallejk lil min ikun irid jissellef mingħandek.

Smajtu xi ntqal: “Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek”. Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet; għax hu jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex.

Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? Mhux il-pubblikani wkoll jagħmluh dan? U jekk issellmu lil ħutkom biss, xi tkunu tagħmlu żejjed? Mhux il-pagani wkoll jagħmluh dan? Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet”.