L-Ewwel Ħadd tar-Randan

Il-qari tal-lum huwa mimli kuntrasti; il-bniedem jinsab fil-Ġnien tal-Għeden fl-ewwel qari, filwaqt li Ġesu jinsab fid-deżert; Adam u Eva jieklu filwaqt li Ġesu jieħdu l-ġuħ; Adam u Eva jaqgħu għat-tentazzjoni filwaqt li Ġesu ma jaqax. Forsi dan il-kuntrast mhuwiex bi żball. Kittieb Nisrani tal-ewwel sekli jikkummenta fuq dan l-Evanġelju li “ġaladarba Adam, fil-lussu tal-Ġnien, tqarraq u waqa’, kien hemm bżonn li l-Ispirtu jieħu lil Kristu fid-deżert biex jegħleb lix-xitan b’qawwa akbar, għalhekk sam għal erbgħin lejl u erbgħin jum.”

Laqatni propju dan il-punt; li Ġesù ħareġ fid-deżert biex ‘jiġġieled’ max-xitan. Nistgħu ngħidu li b’xi mod ‘ħarab’ mid-‘dinja’ biex jiġġieled mal-‘Prinċep tad-dinja.’ Fil-kuntest bibbliku, id-deżert huwa l-post fejn wieħed imur biex jiltaqa’ m’Alla. Min imur fid-deżert kien qed juri li jixtieq jinħall minn dawk l-affarijiet kollha li setgħu kellhom xi ‘kontroll’ fuq ħajtu u jintelaq f’idejn Alla u jafda fih biss. B’xi mod dawn huma t-tentazzjonijiet – ħwejjeġ li jixtiequ jieħdu kontroll fuq ħajjitna u l-‘ġlieda max-xitan’ hija l-ġlieda kontra dak kollu li jrid joppressana u joħnoqna.

Imma ngħid jien, għalfejn għandna nitkellmu fuq il-kontroll meta llum kulħadd jgħajjat l-għajta tal-libertà? “Jiena liberu u nista’ nagħmel li rrid!” Imma kemm hu veru dan id-diskors? Saqsi lilek innifsek jekk intix veru liberu. L-għażliet tiegħek huma għażliet liberi? Tagħmel dak li veru trid tagħmel? Jew tagħmel dak li hu l-eħfef, jew dak li l-inqas jagħti fl-għajn, jew dak li kulħadd qed jagħmel, jew dak li jgħidulek biex ma tagħmilx?

Fil-verità, m’għandniex dik il-libertà assoluta fl-għażliet tagħna. Diversi affarijiet jikkontrollaw u jiddettaw x’nagħmlu u ma nagħmlux f’ħajjitna. Id-dieta tikkontrolla x’tista’ tiekol, ix-xogħol jikkontrolla x’ħin trid tqum filgħodu, anke ġisimna stess jikkontrolla x’ħin ngħejjew jew jaqbadna l-ġuħ. Dawn mhux neċċessarjament affarijiet ħżiena. Iżda forsi jeżistu affarijiet f’ħajjitna li anqas nafu li jeżerċitaw kontroll fuqna, jew li għandhom kontroll żejjed fuqna – tant li mingħalina li liberi, meta fil-verità nkunu skjavi.

Forsi jiena skjav ta’ xi vizzju, jew skjav ta’ dak li jaħsbu n-nies fuqi u kif nidher quddiem l-oħrajn, jew skjav tal-emozzjonijiet tiegħi, jew skjav tal-moda u nsibni nixtri affarijiet li anqas għandi bżonn, jew saħansitra skjav ta’ xi persuna jew relazzjoni abbużiva. Ta’ xiex inti skjav?

Huwa għalhekk li l-Evanġelju tal-lum jagħti kuraġġ. L-eżempju ta’ Ġesu għandu jurina kif aħna ukoll għandna noħorġu fid-deżert biex naffaċċjaw – u negħlbu – dak kollu li jikkontrollana u joħnoq fina l-libertà vera, il-libertà li tħallina nfittxu, nagħżlu u nagħmlu t-tajjeb.

Oħroġ fid-deżert int ukoll. Injora l-vuċijiet negattivi. Agħmel dak li ssib tqil. Mur kontra l-kurrent. Qum mir-raqda.

Fittex il-libertà. Fittex lil Alla.

***

Mt 4,1-11

F’dak iż-żmien, 1l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex ix-xitan iġarrbu. U Ġesù baqa’ sajjem għal erbgħin jum u erbgħin lejl, u fl-aħħar ħadu l-ġuħ. U resaq it-tentatur u qallu: “Jekk inti Bin Alla, ordna li dan il-ġebel isir ħobż”. Iżda Ġesù wieġbu: “Hemm miktub: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla”.

Imbagħad ix-Xitan ħadu miegħu fil-Belt imqaddsa, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet għal isfel; għax hemm miktub li: “Lill-anġli tiegħu jordnalhom jieħdu ħsiebek, u li fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla”.

Qallu Ġesù: “Hemm miktub ukoll: “Iġġarrabx lill-Mulej, Alla tiegħek”.

Għal darb’oħra x-xitan ħadu miegħu fuq muntanja għolja ħafna, urieh is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom, u qallu: “Dawn kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet tadurani”. Imbagħad qallu Ġesù: “Itlaq, Xitan! Għax hemm miktub: “Lill-Mulej, Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi”.

Imbagħad ix-Xitan ħallieh. U minnufih ġew xi anġli u kienu jaqduh.