L-Ewwel Ħadd tal-Avvent: ‘Ishru’

Att ta’ Preżenza

Mulej,
Isma’ t-talba tiegħi,
Int wegħdt lid-dixxipli tiegħek li m’intix se tħallihom waħedhom
Iżda li tibgħatilhom l-Ispirtu s-Santu biex jiggwidhom
U jmexxihom lejn il-Verita’ sħiħa.
Inħossni qisni miexi fid-dlam.
Jien irċevejt ħafna mingħandek,
U xorta insibha bi tqila biex sempliċiment niskot
U nkun preżenti fil-Preżenza tiegħek.
Moħħi mimli ħsibijiet kaotiċi u ideat sparpaljati,
Pjanijiet, memorji, u fantasiji.
Irrid inkun miegħek, u miegħek biss,
Nikkonċentra fuq il-Kelma tiegħek, nisma’ il-vuċi tiegħek,
U nħares lejk int u tirrivela ruħek lil ħbiebek.
Iżda anke b’dawn l-intenzjonijiet tajbin,
Moħħi jtir lejn ħwejjeġ anqas importanti
U niskopri li qalbi miġbuda wisq
Lejn teżori oħra bla valur.
Ma nistax nitlob mingħajr il-qawwi mibgħuta mill-għoli,
Il-qawwa tal-Ispirtu tiegħek.
Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, sabiex l-Ispirtu tiegħek ikun jista’ jitlob ġewwa fijja.

-Henri J. Nouwen

 

Evanġelju – Mk 13:33-37

Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-waqt. Jiġri bħal meta bniedem ikun siefer u telaq mid-dar, iħalli kollox f’idejn il-qaddejja tiegħu, kull wieħed fuq xogħlu, u lil tal-bieb jordnalu biex jibqa’ jishar. Mela ishru, għax ma tafux meta jiġi Sid id-dar, jekk hux fil-għaxija, jew f’nofs il-lejl, jew xħin jidden is-serduk, jew inkella mas-sebħ, li ma jmurx jiġi għal għarrieda u jsibkom reqdin. U dak li qiegħed ngħid lilkom, qiegħed ngħidu għal kulħadd: ishru!”

 

Riflessjoni

Happy New Year! Dan il-Ħadd il-Knisja  qed tibda sena liturġika ġdida permezz tal-Ewwel Ħadd tal-Avvent. Pero, bħal f’ħafna affarijiet oħra, il-Knisja qiegħda tkun paradossali f’li tiftaħ din is-sena ġdida permezz tal-kliem “ishru, għax ma tafux meta se jasal il-waqt.” Il-Katekiżmu jitkellem hekk fuq daż-żmien tal-Avvent; jgħid li “l-Knisja, hija u tiċċelebra kull sena l-Liturġija ta’ l-Avvent iġġedded illum din il-mistennija tal-Messija: l-insara huma u jissieħbu fit-tħejjija twila għall-ewwel miġja tal-Feddej, iġeddu x-xewqa kbira tagħhom għat-tieni miġja (ara Apok 22,17)…”  

 Qabel ma nidħol fit-test propju naħseb tajjeb li wieħed jagħmel ftit introduzzjoni u jagħti kuntest għal dan it-test. Kapitlu 13 ta’ Mark huwa kollu diskors apokalittiku. Tant hu hekk li l-istudjużi jirreferu għalih bħala ‘l-Apokalissi ż-Żgħir’ (b’differenza tal-Ktieb tal-Apokalissi li huwa l-apokalissi l-kbir). Jissejjaħ ukoll ‘l-Apokalissi Sinottiku’ għaliex partijiet minn dan il-kapitlu jinstabu ukoll f’Luqa 21 (għalkemm ma jissemmewx il-qaddejja hemmhekk) u Mattew kap 24 u kap 25 (bid-differenza li hawn isemmi biss 3 qaddejja).

Letteratura apokalittika is-soltu toħroġ minn fost komunitajiet li huma oppressati jew aljenati mill-bqija tas-soċjeta’. Minn komunitajiet li jqisu li ftit hemm possibilta’ ta’ rebħa militari, ekonomika, jew politika. Il-ktieb tal-Profeta Danjel, per eżempju, inkiteb fi żmien il-persekuzzjoni tas-Sultan Antijoku Epifanu. Il-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann inkiteb fi żmien il-persekuzzjoni tal-Imperatur Ruman Domizjan. Mark 13 aktarx jista’ jkun inkiteb fi żmien meta l-Imperatur Kaligula ried jagħmel statwa immensa tiegħu fit-Tempju ta’ Ġerusalemm.

Iżda Mark 13 għandu iżjed xi jgħid lill-komunita’ Nisranija tiegħu, u anke lilna. F’dak iż-żmien ta’ inċertezza, sofferenza u tbatija, Mark jixtieq iħeġġeġ lill-Insara jipperseveraw minkejja d-diffikulta’, kif ukoll forsi jipprova jagħti tweġiba għal din it-tbatija kollha li qed jgħaddu minnha l-Insara – li dan m’hu xejn ħdejn il-pjan etern u l-miġja aħħarija ta’ Bin il-Bniedem. Id-diskors f’Mark intenzjonat biex iqanqal dixxerniment u kawtela, iħeġġeġ lill-qarrej ikun viġilanti, u jafda f’Alla, speċjalment f’dak iż-żmien ta’ taqlib.

Ġesu’ jinstab fuq l-Għolja taż-Żebbuġ u qed ikellem lil Pietru, Ġwanni, Ġakbu, u Indri – il-post huwa importanti kif se nuri aktar ‘il quddiem.

Fl-ewwel vers, 33, Ġesu jibda ‘’kunu għajnejkom miftuħa.” Din il-kelma, dan il-kmand, qisu r-ritornell tal-kapitlu sħiħ – jinstab f’versi 5, 9, 23, u 33 (tagħna). Vigilanza serja u kontinwa.  F’dan it-test Ġesu jħeġġiġna ma norqdux. Nhar Ħamis ix-Xirka l-Appostli raqdu. U aħna, illum, x’qed nagħmlu? Ġesu jkompli jgħid li ma nafux meta se jasal il-waqt.

Il-vers suċċessiv – vers 34 – huwa kruċjali għat-test tagħna. Sid id-dar li siefer ħalla f’idejn il-qaddejja tiegħu. Iżda fatt importanti huwa li kulħadd kellu xogħol partikualri – “kull wieħed fuq xogħlu”. U lil dak li jkun mal-bieb xogħlu kien li jishar. Din il-kelma ‘ishar’ hija kruċjali. Bil-Grieg – gregorein. Bħal min jismu ‘Girgor’ effetivament ismu jfisser ‘l-għassies’. Inġibu f’moħħna dak li nitolbu f’Salm 130 – “Jien lill-Mulej nistenna, ruħi f’kelmtu tittama./ Tistenna ruħi lil Sidi, aktar milli l-għassiesa s-sebħ./ Aktar milli l-għassiesa s-sebħ, jistenna Iżrael lill-Mulej!” Din hija ċ-ċavetta biex nifhmu t-test sħiħ.

Il-qaddejja jingħataw dan l-ideal kważi impossibbli biex ma jorqdux matul il-lejl sħiħ – biex jemfasizza dan l-awtur iniżżel l-erba’ sahriet tal-lejl skont kif kien maqsum il-lejl fi żmien ir-Rumani – “jekk hux fil-għaxija, jew f’nofs il-lejl, jew xħin jidden is-serduk, jew inkella mas-sebħ”. Dan kollu minkejja l-fatt kemmxejn ovvju li kienet tkun aktar ħaġa normali li s-Sid jasal matul il-ġurnata għaliex inqas perikoluża.

Nerġa ndur fuq il-kelma “ishar”. It-test jaqra hekk – “u lil tal-bieb jordnalu biex jibqa’ jishar. Mela ishru…” Niftakru li Ġesu bħalissa qed ikellem lil Pietru, Ġwanni, Ġakbu u Indri. B’xi mod qed jagħmel ċar ħafna li l-atteġġjament partikulari tal-Appostli kellu jkun bħal dak li jkun mal-bieb u mhux bħal kwalunkwe qaddej ieħor – minkejja li kollha kellhom xogħol partikulari. Ix-xogħol tal-Appostli kien li jisrhu u ma jorqdux. Ironika ftit li fl-istess post fejn qed iseħħ dan id-diskors, l-istess Appostli kellhom jorqdu nhar Ħamis ix-Xirka. Dan l-ideal ta’ sahra kontinwa huwa ftit diffiċli.

 

Mistoqsijiet Personali

Qed inkun għassies tajjeb meta nitkellem kontra tagħlim ħażin u qarrieq? Qed inkun għassies tajjeb meta nqawwi ‘l min hu dgħajjef? Qed inkun għassies tajjeb meta niddixerni x’inhuma l-perikli u l-bżonnijiet tal-poplu fdat f’idejja? Inżommu f’moħħna dak li Ġesu talab għalina – li nkunu fid-dinja imma mhux tad-dinja?

Nifhem li – għallinqas f’pajjiżna – m’aħniex qed niġu maqtula għall-fidi tagħna. Iżda nistaqsi ftit… iħossni komdu f’soċjeta’ fejn il-flus huwa alla? Il-faqar dejjem jiżdied ma jirrabjanix? Naċċetta bla mistoqsijiet din il-kultura ta’ individwaliżmu, u konsumeriżmu? Inħoss li hija ġusta li jikkmanda biss min għandu l-flus?

 

Erġa aqra t-test bil-mod u ħalli l-Mulej ikellmek permezz tiegħu……

Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-waqt. Jiġri bħal meta bniedem ikun siefer u telaq mid-dar, iħalli kollox f’idejn il-qaddejja tiegħu, kull wieħed fuq xogħlu, u lil tal-bieb jordnalu biex jibqa’ jishar. Mela ishru, għax ma tafux meta jiġi Sid id-dar, jekk hux fil-għaxija, jew f’nofs il-lejl, jew xħin jidden is-serduk, jew inkella mas-sebħ, li ma jmurx jiġi għal għarrieda u jsibkom reqdin. U dak li qiegħed ngħid lilkom, qiegħed ngħidu għal kulħadd: ishru!”