‘Qas naf kif tar il-ħin!

‘Qas naf kif tar il-ħin!

Din l-espressjoni spiss ngħiduha fil-ħajja mgħaġġla tagħna. Donnu l-ġurnata ttir bla ma nilħqu nagħmlu nofs l-affarijiet li nkunu xtaqna nagħmlu. L-istess jiġri lilna s-seminaristi, li rridu nlaħħqu mal-impenji tas-Seminarju u tal-Università. Sabiex ngħinu lilna nfusna nindirizzaw din il-problema, f’Novembru kellna seminar ta’ taħriġ fl-użu tajjeb tal-ħin: Time management. Dan is-seminar kien immexxi minn Ms Marisa Giordimanina.

Żewġ punti importanti li ħarġu minn dan is-seminar kienu l-prijoritajiet u l-ippjanar. Il-ħin tagħna hu limitat għal erbgħa u għoxrin siegħa kuljum: dawk għandna! Minn dawn, irridu nużaw numru ta’ sigħat biex nistrieħu u nieħdu ħsieb tagħna nfusna (irqad, ikel, xi passatemp – il-bniedem mhux magna!). Dan iħalli numru ta’ sigħat għax-xogħol. Peress li s-sigħat huma limitati, hu importanti li npoġġu bilqiegħda u naraw liema huma l-aktar affarijiet urġenti u liema jifilħu jistennew.

Żgur li kull wieħed minna għandu lista twila t’affarijiet li jrid jagħmel. Biss dawn l-affarijiet m’għandhomx kollha l-istess importanza. Għalhekk tajjeb li wieħed jibda billi jara x’inhu importanti u urġenti, u x’jista jistenna. Hekk ikollu lista ta’ prijoritajiet.

Ladarba jkollu lista ta’ prijoritajiet, wieħed għandu juża ftit minuti biex jagħmel pjan ta’ ħidma. Dan ifisser li jara kemm għandu ħin disponibbli għax-xogħol u jqassam ix-xogħol f’dan il-ħin. Ikun imiss ħaġa waħda: il-ħidma! Fil-ħidma wieħed għandu jsegwi l-pjan li jkun fassal billi jkun dixxiplinat miegħu innifsu, billi jiddelega jekk jara li ma jistax ilaħħaq waħdu, u jgħid ‘Le’ għal aktar impenji jekk jara li ma jistax ilaħħaq.

Matul dan is-seminar tgħallimna kemm hu limitat il-ħin tagħna, imma fl-istess ħin tgħallimna li hemm modi kif wieħed jista’ juża aħjar il-ħin tiegħu. Żgur li l-frott tiegħu se nkunu qed naħsduh fil-futur: billi nużaw il-ħin tagħna b’mod aktar effettiv.