Matul l-assemblea djoċesana

Matul l-assembleja djoċesana

Matul l-assemblea djoċesana ta’ din is-sena, il-Knisja f’Malta ddiskutiet l-Pjan Pastorali li jħares lejn dawn it-tliet snin li ġejjin sabiex nagħrfu x’għandhom ikunu l-prijoritajiet tagħna bħala Knisja u x’inhu jitlob l-Mulej mill-Knisja llum. Dawn li ġejjin huma karatteristiċi tal-ħajja missjunarja tal-Knisja li qed jiġu proposti sabiex ikunu linji gwida li fuqhom nibnu l-pastorali tagħna:

Knisja li tisma’
Knisja li tilqa’
Knisja li takkumpanja
Knisja li toħroġ

Dan kollu huwa ffigurat b’mod mill-aħjar fir-rakkont tad-Dixxipli ta’ Għemmaws. Minn persuni li kellhom qalbhom maqtugħa, jiltaqgħu ma’ Kristu li jirrivela lilu nnifsu, u dik il-laqgħa u l-għarfien intimu ta’ min hu Ġesù twassalhom li huma jsiru missjunarji tal-qawmien ta’ Kristu. Dan hu l-każ li naraw f’Malta fejn b’diversi modi aħna viċin tal-Mulej Ġesù iżda bosta drabi jeħtieġ li niġġeddu fl-għarfien ta’ Kristu. Ġesù stess irid ikun li jgħarrafna mħabbtu. Minn dan l-għarfien profond frott relazzjoni personali, naslu sal-punt li inwassluh lil oħrajn (evanġelizzazzjoni) u fis-servizz (djakonija).