Bil-mod il-mod (Ġw 9:1-41)

Fl-Evanġelju tar-Raba’ Ħadd tar-Randan, is-simboli tad-dawl u tal-ilma li kienu prominenti fil-festa tat-Tabernakli jingħaqdu flimkien f’Ġesù: Ġesù hu dak li jagħti l-Ilma Ħaj (7,35-39) u hu d-Dawl tad-dinja (8,12). Hu propju għalhekk li hawnhekk l-ostilità tisbroffa, minħabba t-trasferiment ta’ dawn iż-żewġ simboli għall-persuna ta’ Ġesù. Dan il-miraklu jew, aħjar, s-sinjal hu frott l-inizjattiva ta’ Ġesù li ‘lemaħ’ ir-raġel għama minn twelidu.

Il-mistoqsija ewlenija hi: min hu ħati tad-dnub? Ġesù, li hu d-dawl tad-dinja, jagħti risposta lejn l-aħħar tan-narrattiva. Il-miraklu, iżda, l-ewwel joħloq firda bejn min għaraf lir-raġel u min ma għarfux.

F’dan il-punt, ir-raġel jirrakkonta għall-ewwel darba dak li ġralu. Hu l-istess bniedem iżda, kif se naraw, inbidel, ġie trasformat; inżergħet żerriegħa fih. Ir-raġel jibda l-proċess ta’ għarfien ta’ Ġesù: mid-dlam għad-dawl – il-miraklu veru.

Meta l-għama jirrakkonta, għat-tieni darba, dak li ġralu, tinħoloq it-tieni firda bejn dawk li qalu li Ġesù mhux ġej minn Alla u dawk li stqarrew li midneb ma jistax jagħmel sinjali bħal dawn. Sadanittant, ir-raġel għami jkompli l-proċess ta’ għarfien ta’ Ġesù: “dak profeta.” Fit-tieni interrogazzjoni tiegħu, filfatt, l-għama jistqarr li hu dixxiplu (“ukoll”) u li Ġesù “ġej minn Alla” filwaqt li jiġi akkużat li “twieled dnubiet waħdu.”

Meta Ġesù jerġa` jitfaċċa lejn l-aħħar tas-silta, ir-raġel għama jara tassew lil Ġesù: “nemmen Mulej!” Ir-raġel jara/jemmen matul proċess ostili ta’ interrogazzjonijiet u persekuzzjonijiet, fejn kien imkeċċi mis-sinagoga u abbandunat mill-ġenituri tiegħu. Filfatt l-identità tar-raġel tbiddlet tassew; sar bniedem li ‘jara’ tassew. Il-bidla fih isseħħ f’ambjent ta’ interrogazzjonijiet ostili li sarulu minn diversi li webbsu qalbhom kontra Ġesù.

Għalhekk, terġa’ titfakkar l-ewwel domanda (min hu ħati tad-dnub?). Mhuwiex ir-raġel għama, imma dawk li qegħdin jgħidu li jaraw.

F’din il-ġrajja, l-Evanġelista joħroġ erba’ reazzjonijiet differenti lejn il-persuna ta’ Ġesù: hemm ċertezza żejda – ‘aħna nafu’ – ma tħallix lok għal-leħen ta’ Alla (il-Fariżej); hemm kurżità, imma wkoll indifferenza (il-ġirien); hemm fidi, imma mingħajr kuraġġ (il-ġenituri tal-għama); fl-aħħar, hemm min jistaqsi, min jemmen u min jagħti xhieda għall-fidi (xi Fariżej u, b’mod partikulari, l-imwieled għama).

L-imwieled għama, b’mod partikolari, iħalli lilu infusu ikun immexxi mid-dawl interjuri li rcieva, u jsir aktar konxju ta’ dan id-dawl aktar ma jsiru diffiċli ċ-ċirkostanzi ta’ madwaru. Jibqa’ seren u jwieġeb b’mod ċar. Ma jfittixx dak li jaqbillu. Iħalli f’idejn Alla ukoll jekk ma jifhimx. Jafda li Alla qiegħed jaħdem. L-imħabba ta’ Kristu tkeċċi ‘l barra l-biża’.

Meta nħarsu lejn l-imwieled għama nintebħu wkoll li l-fidi f’Ġesù m’hijiex ta’ mument istantanju; iż-żerriegħa tal-fidi tikber tul proċess twil li jseħħ, bosta drabi bil-mod il-mod, ukoll qalb malkomprensjoni, kurżità, tbatija u saħansitra ostilità.

____

L-Evanġelju tar-Raba’ Ħadd tar-Randan (Ġw 9, 1.6-9.13-17.34-38)

F’dak iż-żmien, kif kien għaddej, Ġesù lemaħ raġel agħma minn twelidu; beżaq fl-art, għamel minnu qisu tajn, u dilek bih għajnejn ir-raġel agħma u qallu: “Mur inħasel fil-menqgħa ta’ Silwam”. Din tfisser “il-Mibgħut”. Mela dak mar, inħasel u ġie jara. Il-ġirien u dawk li s-soltu kienu jarawh, għax hu kien tallab, qalu: “Dan mhuwiex dak li kien joqgħod bilqiegħda jittallab?”. Xi wħud qalu: “Iva, hu”. Oħrajn qalu: “Le, imma jixbhu”. Iżda hu qalilhom: “Jiena hu”.

Lil dan il-bniedem li fl-imgħoddi kien agħma ħaduh għand il-Fariżej. Issa dakinhar li Ġesù għamel it-tajn u fetaħ għajnejn l-agħma nzerta kien is-Sibt. Il-Fariżej ukoll staqsew mill-ġdid lill-agħma kif sar jara. U hu qalilhom: “Qegħedli ftit tajn fuq għajnejja, mort ninħasel, u issa qiegħed nara”. Xi wħud mill-Fariżej qalu: “Dan il-bniedem mhuwiex ġej mingħand Alla, għax ma jħarisx is-Sibt”. Iżda oħrajn qalu: “Kif jista’ wieħed midneb jagħmel sinjali bħal dawn?” U ma qablux bejniethom.

U reġgħu qalu lill-agħma: “Int x’jidhirlek minnu, issa li fetaħlek għajnejk?”. Qalilhom: “Dak profeta”. Imbagħad qabżu u qalulu: “Int se tgħallem lilna, int li twelidt dnubiet waħdek”. U keċċewh ’il barra. Ġesù sama’ li keċċewh ’il barra; sabu u qallu: “Temmen inti f’Bin il-bniedem?”. Dak wieġeb u qallu: “Min hu, Mulej, biex nemmen fih?”. Qallu Ġesù: “Mhux biss rajtu, imma huwa dak stess li qiegħed ikellmek”. Qallu: “Nemmen, Mulej!”. U nxteħet għarkubbtejh quddiemu.