Ferħ li jittieħed (Lq 24:13-35)

Ferħ li jittieħed (Lq 24, 13-35)

Fl-Evanġelju ta’ San Luqa naqraw dwar il-qabar vojt, l-istorja t’Għemmaws (l-Evanġelju tal-Ħadd li ġej) u t-tlugħ fis-sema tal-Mulej, li kollha jindikaw li l-fidi tistrieħ fuq il-qawmien tal-Mulej mill-mewt. L-esperjenzi kollha tad-dixxipulat mingħajr il-qawmien mill-imwiet huma kollha stejjer simili għal dik l-istorja li għaddej minnha ż-żewġ dixxipli tal-Evanġelju ta’ nhar il-Ħadd li ġej: storja kkaratterizzata minn dwejjaq u nuqqas ta’ tama.

Il-qawmien mill-imwiet tal-Mulej, għalhekk, hi ċ-ċavetta ta’ dak li ġara u li għad jiġri. Il-qalba tal-ħajja nisrani u x-xhieda tagħha trid tkun din l-esperjenza ta’ Ġesù ħaj mill-imwiet.

Tul l-Evanġelju kollu ta’ San Luqa, Ġerusalemm – u mhux il-Galilija, kif inhi f’Evanġelji oħra – hi ċentrali. Ġerusalemm tissimbolizza l-ħolma, it-tama, u s-saltna, li issa kollha donnhom m’għadhomx aktar. Id-dixxipli fi triqthom lejn Għemmaws iħallu t-tama ta’ dil-ħolma warajhom, u jmorru fejn setgħu jsibu konsolazzjonijiet oħra. Ġesù, iżda, jerġa’ jagħti forma oħra lit-tama tagħhom.

Għajnejhom kienu donnu mġegħlin ikunu magħluqin. Donnu mhux għalkollox tort tagħhom li ma fehmux mill-ewwel. Hawn niftakru, iżda, li biex il-vista tkun tajba jrid ikun hemm qalb miftuħa.

Ħafna mirakli huma dwar dan, u xi mirakli ma sarux minħabba qlub magħluqa. Naqraw, fl-istess Evanġelju ta’ San Luqa, kif Ġesù ma kienx milqugħ f’pajjiżu (4:24), il-parabbola tal-għani u Lazzru (16:31) u b’mod aktar dirett fid-diskors ta’ Ġesù f’kapitlu 11, vers 34, meta jgħid li “l-musbieħ tal-ġisem hija għajnek. Jekk għajnek hi safja, il-ġisem ukoll ikun kollu mdawwal tajjeb. Iżda jekk għajnek hi marida, ġismek ukoll ikun mudlam.”

Ġesù ried l-ewwel jiftaħ qalb id-dixxipli, inkella kien hemm (u għad hemm, għalina) ir-riskju li ma jiġix milqugħ kif tassew hu. Il-proċess hu importanti daqs ir-riżultat finali, għax ir-riżultat finali jiddependi ħafna mill-proċess. U dan jista’ jgħinna nifhmu għaliex dawn id-dixxipli jaslu biex jaraw lil Ġesù kif tassew hu u persuni oħra ma jaslux.

Id-differenza tista’ tkun fil-bżonn li l-qalb tkun miftuħa. Bħal fiż-żmien li qegħdin ngħixu, xorta hemm il-biża’ li minkejja dawn id-diffikultajiet li għaddejjin minnhom, qlubna jibqgħu ma jinbidlux. Nafu li għandna xewqa, imma x’inhi dix-xewqa donna ma nafux. Ix-xewqa ġġegħilna nfittxu l-ilma li ma jaqtax l-għatx, u qalbna tibqa’ mhux disposta li tinfetaħ, li tinbidel.

Id-dixxipli ħassew qalbhom imħeġġa imma ma setgħux jifhmu mill-ewwel għaliex, għax forsi bħalna wkoll, ma indunawx mill-ewwel li dan hu għatx li Alla biss jista’ jaqta’. Il-vjaġġ kien diffiċli, kemm fiżikament iżda wkoll emozzjonalment, imma Ġesù jieħu r-riedni u jippurifika l-qalb u l-moħħ, u jiġbidihom aktar qrib tiegħu.

Din l-esperjenza dawret lid-dixxipli f’xhud. Il-messaġġ tal-qawmien mill-mewt tal-Mulej hu messaġġ li ma setgħux ma jxandruhx. Il-knisja mhijiex ħlief dik il-komunità li rċeviet l-aħbar tal-qawmien mill-mewt, emmnitha, u xandritha. Din il-ħeġġa tixbah lil dak in-nar li aktar ma jiltaqa’ man-niexef, aktar jittieħed u jaqbad. Dan hu ferħ li jittieħed.

Fi żmien meta l-komunità nisranija hi mxerrda, aħna mistennija wkoll li naqsmu flimkien u ma’ xulxin l-esperjenza ta’ Kristu Rxoxt fil-ħajja tagħna. Din kienet is-sejħa fl-ewwel żminijiet, u tibqa’ s-sejħa ta’ żmienna llum ukoll.

____

Qari mill-Evanġelju tat-Tielet Ħadd tal-Għid (Lq 24, 13-35)

Dakinhar stess fl-ewwel jum tal-ġimgħa, ġara li tnejn mid-dixxipli kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kull ma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?”. U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom. Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?”.

“X’ġara?” staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nażaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja!

Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!”.

Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kull ma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?”. U beda minn Mosè u l-profeti kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.

Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel tabirruħu li kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm”. Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”. Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!”. U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.