Kollox sfratta. Imma vera?

“Daqt, Daqt”,“Kemm Fadal għall-Ordinazzjoni Saċerdotali?”,“Għada niltaqgħu biex nippjanaw fuq…” Dawn huma ftit mill-kliem li aħna d-Djakni konna qed inlissnu f’dawn l-aħħar ġimgħat hekk kif konna qed nippreparaw għall-Ordinazzjoni Saċerdotali tagħna li kellha ssir fit-18 ta’ April li għadda. Però minħabba dak li qed ngħixu fih l-ordinazzjoni tagħna kellha ukoll tiġi posposta. Mal-ewwel daqqa t’għajn tħoss li kollox sfaxxa, tħoss li Alla donnu nesiena aħna li ħallejna kollox, għedna l-iva tagħna u issa li kellna ħafna mill-affarijiet lesti u ħerqana, donnu spiċċa kollox.

Però f’dan iż-żmien iktar minn qatt qabel il-ħarsa tagħna għandha tkun fuq Kristu. Illum nagħraf kif is-sejħa tiegħi mhix tiegħi imma tiegħU li qed isejjaħli għaliH. Bħal Pietru li meta ħarstu ma baqgħetx fuq Kristu ħabat ser jegħreq. Però l-Mulej Ġesu qabdu minn idu bħalma jaqbad lili u lilek meta nħossuna għaddejja minn mumenti diffiċli.

Ejjew ma naqtgħux qalbna. Nemmnu li minn dan kollu l-Mulej joħroġ il-ġid. U intom li forsi bħalissa għaddejja minn mumenti diffiċli fil-ħajja tagħkom, waħħlu l-ħarsa tagħkom ma’ dik ta’ Kristu u minn dak li jidher li sfratta, Hu kapaċi ibiddlu ġo ferħ, kuntentizza u pożittività.