Ħajja ta’ talb

Il-prinċipju bażiku tal-formazzjoni spiritwali huwa “li tgħix f’għaqda intima u bla waqfien ma’ Alla l-Missier permezz ta’ Ibnu, Ġesù Kristu, fl-Ispirtu s-Santu” (PPF107). L-ispiritwalità tas-saċerdot hija karatterizzata minn talb, kastità, ubbidjenza matura, sempliċità tal-ħajja u ġustizzja soċjali, b’imitazzjoni ta’ Ġesù Kristu. “Għal kull saċerdot il-formazzjoni spiritwali tiegħu hija l-qalba li tgħaqqad u tagħti l-ħajja lil dak li hu qassis u li jaġixxi bħala saċerdot” (PDV, nru 45).

Fis-seminarju nippruvaw insibu l-bilanċ bejn it-talb, ix-xogħol u l-istudju. Aħna nemmnu li dak kollu li qed nagħmlu jista’ jsir talb u li dak kollu li qed nagħmlu hemm bżonn li nagħmluh bl-aħjar mod li nistgħu għax qed nagħmluh għal Alla.

Il-Liturġija tieħu parti importanti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum għax il-Liturġija mhix biss ċelebrazzjoni tal-fidi imma mistagoġija, proċess li jwassalna lejn Alla imma jippermetti wkoll lil Alla jikkomunika magħna. Dak li jinsab fiċ-ċentru tal-ħin tagħna fis-seminarju huwa l-ħin li nqattgħu quddiem l-Ewkaristija. Id-Diretturi Spiritwali tagħna jgħidulna li għandna bżonn naħlu l-ħin quddiem l-Ewkaristija għax huwa dan il-ħin stess li nqattgħu fl-adorazzjoni li se jibdilna f’dak li naduraw.

Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta