Il-pjaga tal-faqar

Matul is-sajf li għadda jien kont assenjat mal-unit tad-Djakonija tal-Caritas. F’dan l-aħħar żmien il-Covid-19 kixef fil-beraħ il-pjaga tal-faqar, sfida li tista’ tgħid sa minn dejjem eżistiet. Il-faqar ħafna drabi huwa pjaga siekta li rari nisimgħu dwaru iżda dan ma jfissirx li ma jeżistix. 

Il-kawżi tal-faqar huma diversi u l-għajnuna dejjem tingħata skont il-bżonn tal-individwi fuq parir ta’ professjonisti familjari ma’ dawk li jirċievu s-servizz. Diversi għajnuniet bħall-għoti tal-ikel servew t’opportunità sabiex issa l-assistenza setgħet issir b’mod aktar sħiħ. 

Kien tassew straordinarju u ta’ sostenn kbir għalija l-ħeġġa li rajt minn ħafna volontiera, organizzazzjonijiet u kumpaniji li minn qalbhom offrew ħin, enerġija u riżorsi minn tagħhom sabiex jgħinu lill-aktar vulnerabbli f’pajjiżna. Tassew li fostna għad hawn ħafna nies li minn qalbhom ifittxu li jieħdu ħsieb lil min hu fil-bżonn.

Din l-esperjenza poġġietni f’pożizzjoni fejn stajt nosserva u nipparteċipa f’ħidma wiesa’ li ssir mill-Knisja b’risq dawk fil-bżonn. Kien ta’ privileġġ kbir li ningħata bħala tieqa żgħira għal ħafna opri ta’ djakonija li jsiru mill-parroċċi ħafna drabi fis-skiet. Is-saċerdot mhux biss hu ta’ sostenn fir-ruħ iżda jfittex li jgħix esperjenza ta’ fraternità umana ferm akar wiesa’. 

Hija tassew il-grazzja t’Alla li tgħinna insarrfu t-twemmin tagħna f’atti konkreti t’imħabba lejn dawk ħutna li jeħtieġu l-għajnuna.