Nipproteġu lil xulxin

Il-ħarsien u l-protezzjoni tal-minuri u l-vulnerabbli hija responsabbiltà ta’ kulħadd. Allura, huwa meħtieġ li aħna bħala seminaristi, djakni u ’l quddiem saċerdoti nkunu ffurmati tajjeb f’dan il-qasam ukoll. Fil-bidu ta’ din is-sena seminaristika, bejn il-5 u d-9 t’Ottubru ġie organizzat seminar mis-Safeguarding Commission tal-Arċidjoċesi tagħna b’dan il-għan. F’dawn il-ħamest ijiem ġew diskussi diversi temi importanti fosthom bħal kif wieħed jippreveni milli jseħħ abbuż, kif wieħed jieħu ħsieb tiegħu nnifsu, fejn wieħed għandu jagħraf li jżomm il-boundaries u meta jkun wasal f’punt fejn għandu jitlob l-għajnuna. Tajna wkoll ħarsa lejn il-liġi, policies u dokumenti tal-Knisja li jirrigwardjaw dan is-suġġett. 

Il-bniedem mhux maħluq biex jgħix iżolat. Għalhekk, importanti li nibnu relazzjonijiet sani u ħadd ma jieħu privileġġ tal-poter tiegħu u jabbuża minn dawk vulnerabbli. Rajna flimkien li hemm diversi tipi ta’ abbużi li jista’ jseħħu fosthom: emozzjonali, sesswali, spiritwali, fiżikali u anke ta’ negliġenza. Sfortunatament, din hija realtà kerha li ġrat u ġieli għadha tiġri wkoll fil-Knisja. 

Hemm ukoll diversi sinjali u indikaturi li wieħed jista’ jinnota meta persuna tkun qegħda ssofri xi tip ta’ abbuż. Għalhekk tajjeb li nindunaw bihom biex b’hekk inkunu nistgħu ngħinu, nieħdu azzjoni u nħarsu l-vittmi.  Tkellimna wkoll dwar x’għandna nagħmlu f’każ li persuna tiġi għandna biex tgħidilna li soffriet minn xi tip ta’ abbuż. L-irwol tas-saċerdot għandu jkun li jħares il-poplu t’Alla u jwasslu biex jiltaqa’ miegħU. B’dan quddiem għajnejna, għalhekk irridu nkunu konxji minn dak li qed jiġri madwarna u naraw li nħarsu u nipproteġu lil dawk kollha li niltaqgħu magħhom speċjalment, il-minuri u l-vulnerabbli.