Ħidma f’Marsaxlokk

Tul l-ewwel sena ta’ formazzjoni tiegħi fis-seminarju ġejt assenjat fil-Parroċċa tal-Madonna tar-Rużarju ta’ Pompei f’Marsaxlokk. Tul din l-esperjenza kont nassisti għall-Quddiesa u għal sagramenti oħra mogħtija fis-Santwarju kif ukoll kelli ċ-ċans li ninvolvi ruħi f’xi gruppi tal-parroċċa fosthom dawk taż-żgħażagħ u tal-abbatini. Xi ħaġa li ser nibqa’ ngħożż u nġorr f’qalbi hija t-tjubija ta’ bosta nies li jagħtu s-sehemhom fil-parroċċa. Għalkemm l-imxija tal-pandemija biddlet il-programm tas-sena, ma nistax ninsa’ xi esperjenzi marbutin mal-identità tal-lokal, ngħidu aħna t-tberik tal-opri tal-baħar qabel l-ftuħ tal-istaġun tal-lampuki. Id-dedikazzjoni tas-saċerdoti tal-parroċċa u l-għajnuna li dejjem sibt mingħandhom kienet xi ħaġa li dejjem kienet ta’ sosten għalija. Ma kenitx tonqos xi żjara fil-qasam tal-Mużew, u l-inkontri li kien ikollna jien u l-Kappillan man-nies aħna u nimxu “Xatt s-Sajjieda” ma nibdilhom ma’ xejn. Fl-aħħarnett, ir-rużarju hija talba għall-qalb ħafna l-poplu Xlukkajr. Mhux l-ewwel darba li minn taħt l-ilsien smajt lil xi ħadd ilissen t-talba “Madonna ta’ Pompei, ħarisna bi nhar u billejl.”  Din l-invokazzjoni ta’ ftit kliem tfakkarni fil-kobor tal-interċessjoni t’Ommna Marija li l-ħarsa tagħha tilħaq lil uliedha kull fejn inkunu.