Jitlob kont

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 25:14-30)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Għax dan bħal wieħed li kien se jsiefer, u sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u ħallielhom ġidu f’idejhom. Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed, kull wieħed skont il-ħila tiegħu. U siefer. Dak li kien ħa l-ħames talenti mar minnufih iħaddimhom u qala’ ħamsa oħra. Hekk ukoll dak li kien ħa tnejn qala’ tnejn oħra. Iżda dak li ħa wieħed mar ħaffer fl-art u ħeba flus sidu. Wara ħafna, sid dawk il-qaddejja raġa’ lura u beda jagħmel il-kontijiet magħhom. Resaq quddiemu dak li kien ħa ħames talenti u ġieblu ħames talenti oħra. ‘Sinjur,’ qallu, ‘ħames talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt ħamsa oħra.’ Qallu s-sinjur, ‘Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek.’ Resaq ukoll dak li kien ħa żewġ talenti, u qallu, ‘Sinjur, żewġ talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt tnejn oħra.’ Qallu s-sinjur, ‘Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek.’ Iżda resaq ukoll dak li kien ħa talent wieħed, u qal, ‘Sinjur, lilek nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx. Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art. ‘Hawn, ara, għandek dak li hu tiegħek.’ Qabeż is-sinjur u qallu, ‘Qaddej ħażin u għażżien, kont taf li jien naħsad fejn ma żrajtx u niġbor fejn ma xerridtx. Mela kien imissek mort qegħedt flusi l-bank biex, meta niġi, kont immur niġborhom bl-imgħax. Ħudulu mela t-talent u agħtuh lil dak li għandu l-għaxar talenti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu ż-żejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. U lil dan il-qaddej bla fejda itfgħuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien”.

Il-Kelma tal-Mulej

Riflessjoni fuq it-test

Ġesù jitkellem fuq it-talenti. Talent huwa valur kbir ta’ flus li jikkonsisti f’madwar tliet snin paga. Is-sid iqassam dan l-ammont ta’ flus wara li jqis il-ħiliet ta’ dak li jkun u mhux bl-addoċċ. Naqraw li wieħed mill-qaddejja ħeba dawn l-flus taħt l-art. Tajjeb li ngħidu li dan kien mod sigur kif wieħed kien jipproteġi lil flusu mill-ħallelin. Kif wiegħed is-Sid, wara tul ta’ żmien dan reġa’ lura biex jitlob kont ta’ dak li ħalla f’idejn il-qaddejja tiegħu. Din hija it-tielet parabbola konsekuttiva fl-Evanġelju ta’ San Mattew fejn nsibu dan id-dewmien fir-ritorn. Dan id-dewmien rajnieh fil-parabbola tal-Qaddej tajjeb u ta’ dak Ħażin, rajnieh fil-parabbola tal-għaxar xebbiet li qrajna l-ġimgħa li għaddiet u qed nerġgħu narawh din il-ġimgħa. Wara dan id-dewmien fiż-żmien ta’ stennija jasal il- “Kyrios”, jiġifieri l-Imgħallem. Ġesù jurina li hawn qiegħed jitkellem dwar it-tieni miġja tiegħu. Ġesù se jiġi lura fl-aħħar taż-żmien f’ħin li ħadd mhu se jkun qed jistennieh fih. Il-premju ta’ dawk li jsibhom li għamlu xogħolhom sew ikun il-Ħajja ta’ dejjem filwaqt li l-ħżiena jispiċċaw fin-nar tal-infern. Bħalma ta missjoni lil dawn it-tliet min-nies f’ din il-parabbola Ġesù jagħti missjoni lilna wkoll. Bħalma mar għand dawn it-tliet min-nies biex jagħmel il-kont t’għemilhom, hekk sejjer jagħmel magħna wkoll. 

Hekk kif Ġesù resaq lejn dak li kien mogħti talent wieħed, dan qallu: “Sinjur, lilek nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx. Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art: hawn, ara, għandek dak li hu tiegħek”. Huwa ċar li dan il-qaddej huwa mifni bil-biża’ u fl-istess waqt għażżien. Huwa għandu perċezzjoni tas-Sid li hija ’l bogħod mir-realtà. Ġesù meta aktar ’il quddiem jiddeskrivi lilu nnifsu, huwa jiddeskrivi lilu nnifsu bħala wieħed li jaħsad fejn ma żerax u jiġbor fejn ma xerridx iżda jħalli il-kelma “aħrax” barra għaliex huwa mhuwiex hekk. Naraw li s-sid huwa demanding, jitlob u jistenna ħafna mingħandna imma mhuwiex aħrax jew kattiv. 

Fuq din tajjeb li nirriflettu dwar l-importanza li nkunu nafu lis-Sid tagħna, lil Ġesù. Lil Ġesù nsiru nafuh permezz tat-talb, permezz tal-qari tal-iskrittura u l-partiċipazzjoni fis-sagramenti. Jekk lil Ġesù ma nkunux nafuh l-attitudni tagħna lejH tkun waħda żbaljata. 

Is-sid tal-istorja huwa Alla u qaddej bħal dan, bla fejda, jinxteħet ’il barra fid-dlam; fejn ikun hemm “il-biki u t-tgħażżiż tas-snien”. Kemm hu ikrah li titlef il-Ġenna għad-dannazjoni tal-infern!

Xi punti qosra

Huwa ċar li Ġesù qed jitkellem dwar il-“Parousia”, jiġifieri dwar it-tieni miġja tiegħu fl-aħħar taż-żmien li ma nafux meta se tiġri. Ġesù jixtieqna li meta jiġi se jsibna lesti. L-attitudni li jistenna mid-dixxipli tiegħu mhijiex dik ta’ telqa, ta’ biża’ jew ta’ għażż.

  1. Din il-parabbola hija stedina għall-ewwel komunitajiet Insara biex ma jaqawx fil-għażż. L-ewwel Insara kienu jaħsbu li Ġesù ġej fil-qrib u għalhekk uħud minnhom intelqu fl-istennija. Għalhekk din is-sita setgħet tkun ta’ benefiċċju għalihom biex tħeġġiġhom jgħixu ħajjithom ta’ Nsara. Naraw wkoll l-importanza li l-ġid li għandna nużawh b’mod tajjeb. 
  2. L-Evanġelista kiteb fi żmien ta’ biża’ għal-Lhud – meta kien għadu kemm iġġarraf it-tempju ta’ Ġerusalemm mir-Rumani u kulħadd kien mifxul fuq dan. Tajjeb li niftakru li m’għandniex inħallu l-biża’ tagħna tegħlibna milli nagħmlu dak li jixtieq minna Ġesù.
  3. Din il-parabbola hija wkoll sejħa għalina biex nevanġelizzaw. Ejjew niftakru fl-aħħar kmandament ta’ Ġesù fl-Evanġelju ta’ San Mattew: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu” ‭(28:19‬). Tajjeb li ninqaflux fil-comfort zones tagħna u naħbu it-teżor tal-fidi li ġie afdat f’idejna, iżda naqsmuh mal-oħrajn.

Għeluq: Nimtlew bil-kuraġġ u mhux bil-biża

Jekk inħarsu lejn din il-parabbola bħala storja t’ispirazzjoni nkunu qed nagħmlu żball. Din il-parabbola ma tieqafx fl-għoti tat-talenti. Iċ-ċentralità ta’ din il-parabbola hija t-tieni miġja tal-Mulej Ġesù. Ġesù li ġej lura bħala mħallef biex jitlob il-kontijiet ta’ dak li ġie fdat f’idejna, fl-ewwel post: il-fidi tagħna. Tajjeb li niftakru li għad irridu nagħtu l-kont ta’ kull okkażjoni, anzi ta’ kull minuta. Is-Sid mhuwiex aħrax iżda esiġenti. Din l-attitudni tas-Sid timlielna qalbna bil-kuraġġ biex inħaddmu dak li ġie afdat f’idejna għall-ikbar glorja ta’ Alla u għall-ġid tal-proxxmu. 

Ma nafux meta Ġesù se jiġi lura. Jekk Ġesù jigi illum, jien kif se nwieġbu? 

Talba tal-Għeluq

O Verġni Mbierka quddiem is-sejħa ta’ Alla mill-Anġlu int ma mtlejtx bil-biża’ li ssewwed il-qalb iżda bil-ferħ li ġej mis-sema. Rawwem fina l-ħeġġa biex ngħixu l-ħajja Nisranija tagħna kif jixtieq minna l-Mulej Ġesù. Sliema u Qaddisa.