Il-memorja

Nistgħu niftakru xi ħaġa li ma għexniex? Aħna ma niftakrux weħidna, imma nistgħu wkoll nagħmlu sens mit-tifkiriet tal-oħrajn fil-kuntest akbar li nagħmlu parti minnu. Tul il-proċess li nippruvaw nifhmu x’għaddejna minnu u xi ġralna, kontinwament inkunu qed nibnu l-identità tagħna fil-preżent. Il-proċess li niftakru, għalhekk, ma jsirx fil-passat – anke jekk isir dwar il-passat – imma fil-preżent. Meta nfakkru lil dawk li tilfu ħajjithom fil-gwerer dinjija nirriflettu mhux biss fuq il-memorja ta’ dawk li xi mkien u xi darba taw ħajjithom għalina, iżda nirriflettu wkoll fuq il-ħajja tagħna hawn u llum.  

Mhijiex sorpriża, għalhekk, li meta Desmond Doss jargumenta li “[w]ith the world so set on tearing itself apart, it doesn’t seem like such a bad thing to me to want to put a little bit of it back together,” Hacksaw Ridge (2016) qed jikkummenta mhux biss fuq dak li ġara fil-Gwerra l-Kbira imma wkoll fuq dak li qed jiġri issa. Ir-raġuni li tat bidu għall-gwerra mhux bilfors kienet ir-raġuni għaliex tkompliet tiġi miġġielda l-gwerra: aħna wkoll donna nitilfu l-kontroll – u l-għaliex – ta’ dak li nagħmlu, u qed nitilfu l-iskop għaliex ngħixu; aħna wkoll donna tlifna s-sens ta’ x’jagħmel lit-tajjeb differenti mill-ħażin, u qed nitilfu l-memorja tagħna; aħna wkoll donna nsibuha bi tqila nammettu li aħna maħluqa, u qed nitilfu l-umanità tagħna.  

Iżda fi żmien li matulu qegħdin inġarrbu tbatijiet bla preċedent f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, forsi nistgħu niskopru mill-ġdid l-iskop vera tal-ħajja, nerġgħu niftakru fis-sens it-tajjeb tas-sagrifiċċju, u nerġgħu nirkupraw ftit ftit l-umanità, dgħajfa imma sabiħa, tagħna.