Iftaħ it-triq

Qari mill-Evanġelju skont San Mark (1:1-8)

Il-bidu tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla. Bħalma hu miktub fil-ktieb ta’ Isaija l-profeta: “Ara, jien nibgħat qablek il-ħabbar tiegħi biex iħejji triqtek. Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”.

Hekk Ġwanni deher jgħammed fid-deżert u jxandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet. U kienet tmur għandu l-Lhudija kollha u n-nies kollha ta’ Ġerusalemm, jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan waqt li jistqarru dnubiethom.

Ġwanni kien jilbes libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u kien jiekol ġradijiet u għasel selvaġġ. U kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu. Jien għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidtkom bl-Ispirtu s-Santu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Il-Ħadd li għadda bdejna l-Avvent bl-istedina biex nishru; fis-silta ta dan il-Ħadd il-liturġija qed turina x’inhu eżattament il-kontenut ta’ daż-żmien tal-Avvent. L-Avvent hu żmien biex fih nagħrfu l-vojt li jrid jimtela fil-ħajja tagħna, biex inwittu l-ħotob tal-kburija u nagħmlu wisa’ għal Ġesù li ġej.

Punti ta’ riflessjoni

Tajjeb għalhekk nistaqsi ftit lili nnfisi:

  • Kif niddeskrivih “id-deżert” ta’ ħajti bħalissa?
  • Nemmen li l-Mulej ġej proprju f’dan id-deżert?
  • Hemm post għat-tama f’ħajti?
  • Il-Mulej qed isejjaħli biex bħal Ġwanni nkun “leħen” għan-nies tal-lum. 
  • Qed “nilbes” lil Kristu bħal Ġwanni?… Qed nitrejjaq bil-Kelma tiegħu?… Kemm jien umli fl-appostolat u l-ħimda tiegħi?… Qed jidher Kristu jew jien?…

Analażi tat-Test

Biex nidħlu fil-kuntest tas-silta tagħna: l-Evanġelju ta’ San Mark  inkiteb madwar is-sena 70 wara Kristu, meta l-komunitajiet Insara kienu għaddejjin minn mumenti diffiċli. Minn barra kienu ppersegwitati mill-imperu Ruman, waqt li minn ġewwa kienu ppersegwitati minn dubji u tensjonijiet. Kien hemm min qed ipoġġi lil Ġwanni l-Battista fuq l-istess livell ta’ Kristu, kif naraw fl-Atti, u oħrajn li xtaqu jibdew ixandru l-messaġġ Kristjan iżda ma kienux jafu kif. Fil-bidu tal-Evanġelju tiegħu San Mark jipprova jwieġeb għal dawn id-diffikultajiet.

Is-silta tal-lum nistgħu naqsmuha f’erba’ taqsimiet:

L-Ewwel Taqsima

Mk 1,1: Il-bidu u titlu tal-Evanġelju ta’ San Mark

“Evanġelju” tfisser aħbar tajba. Aktar milli l-aħbar it-tajba “ta’ Ġesù”, l-Evanġelista għandu f’moħħu l-aħbar it-tajba “li hi Ġesù”. Il-ġrajja kollha li San Mark se jxandar hija persuna ħajja. Li tilqa’ din l-aħbar it-tajba jfisser mela li tilqa’ lill-persuna stess ta’ Ġesù Kristu, jiġifieri temmen fih bħala “l-Iben ta’ Alla”.

Fi tmiem l-Evanġelju tiegħu hu jpoġġi fuq fomm iċ-ċenturjun l-istqarrija ta’ fidi: “Dan il-bniedem kien tassew Bin Alla” (Mk 15,39). Bejn dawn iż-żewġ stqarrijiet ta’ fidi li nsibu fil-bidu u fl-aħħar tal-vanġelu, San Mark jfisser kif wieħed jista’ jasal għal din il-verità u kif jista’ mbagħad ixandarha lill-oħrajn.

“Il-bidu” li għandu f’moħħu San Mark mhuwiex biss il-bidu tal-ġrajja ta’ Ġesù jew tax-xandir tagħha, imma fuq kollox il-bidu tal-ħajja ġdida li tiġi mill-fidi f’Ġesù. Huwa mela l-bidu ta’ ħolqien ġdid (Ġen 1,1).

Din l-Aħbar bdiha Kristu, Bin Alla, u trid titkompla minn l-imgħammdin kollha. Ġesu msejjaħ  ‘Messija’ – 7 darbiet, li hu dak li kien mistenni li, meta jiġi, jagħti bidu għal dinja ġdida. Imsejjaħ ukoll ‘Bin Alla’, li hu, dak li Alla jixbhu. Mela, Alla jixbah lil Ġesu – in-nies se jagħrfu ‘l Alla f’Ġesu. Il-frażi ‘Bin Alla’ nisimgħuha fil-magħmudija ta’ Ġesu, fit-Trasfigurazzjoni u fuq il-Kalvarju fuq fomm iċ-ċenturjun.

It-Tieni taqsima:

Mk 1,2-3: riferiment għall-profeziji ta’ Malakija u Isaija

Marku jgħaqqad żewġ profeziji f’waħda (Malakija 3,1 u Isaija 40,3) u jattribwihom it-tnejn lil Isaija. Fid-dawl tagħhom huwa jinterpreta l-missjoni tal-Battista. Ġwanni huwa l-“ħabbar” u l-“leħen” li jħejji għall-miġja tal-Mulej.

L-idea ta’ “ħabbar” (anġlu) tfakkarna f’Eż 23,20 fejn Alla jwiegħed li jibgħat anġlu lil Iżrael biex iħarsu u jwasslu fl-art imwegħda. Fil-kapitlu 3 Malakija għandu f’moħħu l-miġja tal-Mulej, il-jum tiegħu u l-ġudizzju.

Tajjeb ninnutaw li l-ewwel persunaġġ li jidħol fix-xena ta’ S.Mark mhuwiex Ġesu imma Ġwanni. Bħalma Mosè kien ‘l-anġlu’ mibgħut mill-Mulej biex iħejji t-triq tas-salvazzjoni mill-jasar tal-poplu Lhudi, hekk fis-silta tal-lum għandna anġlu ieħor, mibgħut mill-Mulej, biex iħejji t-triq għal Ġesu. Bil-predikazzjoni tal-Battista, dawn il-profeziji mimlija tama kienu qed iseħħu: fl-aħħar il-poplu kellu mill-ġdid profeta; fl-aħħar kien qed jixxandar intervent ġdid ta’ Alla fl-istorja tad-dinja.

“Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: «Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu»”.

Isaija 40,3 jgħid: “Leħen jgħajjat: «Ħejju t-triq għall-Mulej fid-deżert»”. “Id-deżert” huwa l-post tal-prova, tas-solitudni, tat-tbatija. Isaija qed jikteb lil-Lhud fl-eżilju ta’ Babilonja, art tad-deżert. Il-post fejn il-bxara tiġi mgħajjta huwa d-deżert, post aħrax fejn il-ħajja hija nieqsa. Il-Vanġelu ta’ Mark infatti jibda fid-deżert u jispiċċa ħdejn il-qabar (cfr 15,44-16,9): żewġ postijiet li huwa l-imkejjen tad-dlam, li fihom jgħammru x-xjaten (cfr Mk 5,1-20). Il-bxara tas-salvazzjoni tasal propju hemm fejn jaħkem ix-xitan sabiex il-bniedem jiġi mifdi mill-«Mulej», hekk li d-deżert tan-nixfa jsir il-post fejn Alla jkellem il-qalb tal-bniedem (cfr Ħos 2,16), u l-qabar is-sinjal tar-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt u d-dnub (cfr Mk 16,6). Permezz ta’ Ġesù, fejn hemm il-mewt, kapaċi titnissel ħajja ġdida. 

“Ħejju t-triq għall-Mulej fid-deżert” ifisser: ħejjulu t-triq fl-eżilju; hemmhekk il-Mulej ġej. Hekk id-deżert jinbidel f’art ta’ tama, ta’ stennija, ta’ salvazzjoni. Hekk id-deżert isir ukoll il-post tal-preżenza ta’ Alla, tan-namur ma’ Alla, tal-għeġubijiet tiegħu.

It-Tielet taqsima hi:

Mk 1,4-5: deskrizzjoni tal-missjoni ta’ Ġwanni u l-effett tagħha

Fuq Ġwanni ma nafu xejn fuq it-trobbija tiegħu. Naqraw mill-ewwel fuq il-missjoni tiegħu. Il-magħmudija kienet komuni dak iż-żmien. Il-proseliti li riedu jħallu l-paganiżmu u jissieħbu fil-Ġudeiżmu kienu jgħaddsuhom fl-ilma biex b’hekk ‘imutu’ għall-ħajja l-antika u jitwieldu għall-ġdida.  Il-magħmudija ta’ Ġwanni kienet biss tħejjija biex jilqgħu dik proprja ta’ Kristu li biha wieħed jiġi mgħaddas fil-Ħajja Divina.  Ġwanni kien ixandar “magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet.” Il-kelma metanoia tfisser bdil tal-qalb, konverżjoni.  Wieħed kien jiħtieġlu jbiddel il-mod kif jaħsibha fuq Alla.  Jekk jaħseb li Alla hu mħallef sever li jikkastiga bla ħniena (bħalma għad hawn min jaħseb illum), issa jrid jikkonvinċi ruħu li dan hu idolu maħluq minna l-bnedmin. Min jadura lil dan alla li jikkastiga bla hniena, ikun qed jadura alla falz. Min irid iħalli lil Kristu jidħol f’ħajtu biex jeħilsu minn dan il-jasar, irid, mhux biss jimmodifika ftit dan il-ħsieb, imma jaqilbu ta’ taħt fuq.  B’hekk ikun jista’ jidħol f’moħħna Alla veru, Alla serv tal-bniedem għall-imħabba.  Din il-bidla fil-ħsieb hija neċessarja biex tkun tista’ tiġi t-tieni waħda, dik tal-imġieba morali.  

L-imġieba morali tiegħi tiddependi fuq l-iskala tal-valuri. Jekk per eżempju fil-quċċata tal-iskala npoġġi l-flus, nagħmel minn kollox biex nakkwista.  Min jgħinni nagħmel dan isir ħabib; min le, għadu. B’din l-imġieba, l-imħabba tal-proxxmu tispiċċa fil-qiegħ. Konverżjoni tal-imġieba morali titlob li jien naqleb dawn il-valuri ta’ taħt fuq.  Fuq nett irrid nagħżel li nagħmel minn kollox biex nara l-proxxmu servut u ferħan.

Ir-Raba parti hi l-versi li jifdal:

Mk 1,6-8: li huma deskrizzjoni tal-figura ta’ Ġwanni u l-veru post tiegħu fil-pjan tas-salvazzjoni

Il-“libsa tax-xagħar tal-ġemel bi ħżiem tal-ġild” kienet il-libsa ta’ Elija, missier il-profeti (2Slat 1,8), li tiegħu Ġwanni hu l-aħħar wild. Dan hu tabilħaq Elija li kellu jiġi (Mk 9,11-13). “Il-ġemel” huwa dak li jerfa’ t-tagħbija tal-oħrajn u jaffronta l-mixja u l-provi tad-deżert. Huwa xbieha ta’ Kristu li jitgħabba bi dnubietna fid-deżert ta’ din id-dinja. Ġwanni huwa dak li diġà libes lil Kristu, kif igħidilna aktar ’il quddiem San Pawl: “Ilbsu lil Kristu…” (Rm 13,14). “Il-ħżiem” huwa s-simbolu tas-sahra, ta’ min hu dejjem lest biex imur jiltaqa’ mal-Għarus li ġej: “Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula; kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih” (Lq 12,35-36). Dan kien Ġwanni, “il-ħabib tal-għarus” li “jifraħ malli jisma’ leħnu” (Ġw 3,29). “Il-ġradijiet u l-għasel selvaġġ” huma simboli tal-Kelma ta’ Alla. “Il-ġradijiet” kienu meqjusin bħala dawk li jattakkaw lis-sriep velenużi u joqtluhom: simbolu tal-Kelma li tirbaħ fuq l-ispirtu tal-ħażen. “L-għasel” ukoll huwa simbolu tal-ħlewwa tal-Kelma li tinżel f’qalb il-bniedem (Eżek 3,3; Sal 19,11; 119,103). Ġwanni huwa dak li jitrejjaq bil-Kelma u hekk isib il-qawwa li jirbaħ fuq il-ħażin.

Il-missjoni ta’ Ġwanni illum għada titwettaq minn dawk kollha li jwittu t-triq għall-miġja tal-Mulej.  Dan jagħmluh billi (a) jgħollu leħenhom (fid-deżert, fejn ħadd ieħor ma jagħmel hekk) kontra l-inġustizzji, l-immoralita u kontra dawk li jridu jifgaw il-kuxjenza tagħhom u tal-oħrajn; (b) jgħinu lill-oħrajn  jagħmlu eżami tal-kuxjenza ta’ kif qed jgħixu ħajjithom, biex jaraw humiex iħejju ruħhom sewwa għall-miġja ta’ Ġesu, jew għadhomx skjavi tal-egoiżmu u vizzji oħra; (ċ) ma jibqgħux indifferenti quddiem abbużi politiċi, soċjali u kulturali, u b’hekk iżommu ħajja x-xewqa tal-bidla għall-aħjar fid-dinja l-ġdida li waqqaf Kristu.

Ġwanni kien qed iħejji t-toroq tal-ħniena u tal-verità, tal-fidi u tal-ġustizzja; fuqhom jixhed anki Ġeremija: Ibqgħu fil-mogħdijiet tal-Mulej, ħarsu t-toroq ta’ Alla li jibqa’ għal dejjem u araw liema hi t-triq tal-Mulej u imxu fiha (Ġer 6,16). Minħabba li s-saltna tas-smewwiet hi magħmula minn dawn it-toroq, għandu raġun Ġwanni meta jżid: Infatti s-saltna tas-smewwiet hi fil-qrib (Mt 3,2). Trid għalhekk li s-saltna tas-smewwiet tersaq anki lejk? Ħejji dawn it-toroq f’qalbek, fis-sentimenti tiegħek, ġewwa fik. Wessa’ fik it-triq tat-tjubija, it-triq tal-fidi, it-triq tal-qdusija. Ħaffef il-mixja tal-ġustizzja, neħħi minn qalbek kull ostaklu li ġej mill-mibegħda, bħalma hu miktub: Neħħu l-ġebel mit-triq (Ġer 50,26). U mbagħad ir-re, Kristu, li lilu tifħir u glorja għal dejjem ta’ dejjem, qisu bħal minn mogħdija, jidħol fil-ħsibijiet ta’ qalbek u fil-ġewwieni ta’ ruħek. 

Talba 

O Marija li ftaħt qalbek lil Alla, tant li ġarrejtu għal disa’ xhur fil-ġuf tiegħek, rabbejtu, kont miegħu tul ħajtu sa taħt is-salib u llum ssaltan miegħu fis-sema; iftaħli qalbi dejjem iżjed għal Ibnek Ġesu u għal kelma tiegħu. Ammen.