Is-sena barra

Fi ħdan is-sena barra ġraw ħafna affarijiet. Aħna bħala seminaristi mħeġġin nagħmlu xi ħaġa differenti, f’dan iż-żmien ‘il bogħod mis-seminarju. Kelli bosta pjanijiet u kont ħerqan biex nara partijiet differenti tad-dinja. L-ewwel parti tas-sena barra tiegħi kienet dik li jiena sejjaħt ‘work phase’. Sibt xogħol naħdem bħala ‘care worker’ fil-Fondazzjoni Dar ta’ San Ġużepp, dar għas-subien immexxija mill-komunità MSSP. Sibt ukoll xogħol part-time naħdem ma’ JRS bħala koordinatur tal-outreach. Il-ħidma mas-subien f’Dar ta’ San Ġużepp kienet esperjenza li biddlitli ħajti, għaliex stajt nidħol fl-inġustizzji li jsofru dawn is-subien. Stajt nara wkoll il-qawwa tal-imħabba fl-azzjoni. Il-ħidma ma’ dawn is-subien kienet l-aqwa università tal-ħajja li qatt stajt nattendi. Ħdimt ukoll ma’ JRS, ix-xogħol ewlieni tiegħi kien li nikkoordina proġett imsejjaħ ‘Komunitajiet t’ospitalità.’ Xogħli kien li nirriċerka kif bħala Nsara aħna msejħin biex nilqgħu lill-immigrant. Kienet opportunità biex nisma’ l-istejjer ta qsim il-qalb ta’ ħafna refuġjati.

Wara l-esperjenza tax-xogħol mort l-Indja għal xahrejn, fejn ħdimt mas-sorijiet ta’ Madre Tereża. Jien kont Kalkutta u xejn ma seta’ jippreparani għall-faqar u għat-tbatija li rajt. Dak li tgħallimt kien li “Aħna mhux imsejħin biex nirnexxu, aħna msejħin biex inkunu fidili.” Il-ftit li nagħmlu jista’ jagħmel differenza jekk inkunu fidili.

Wara l-Indja mort l-Istati Uniti, partikolarment Florida, fejn ħdimt f’università. Jien kont parti minn grupp li offra l-għajnuna lil studenti universitarji. Meta ġie il-Covid-19 kelli niġi lura d-dar xi ftit kmieni milli kien previst u l-bqija tal-pjanijiet tiegħi ġew ikkanċellati. Għalhekk meta ġejt lura Malta sibt xogħol naħdem għall-Fondazzjoni Richmond bħala Uffiċjal tal-psikoloġija, xogħol li għini niftaħ għajnejja għall-ammont ta’ nies li jgħixu b’kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali. F’din is-sena ftaħt qalbi u moħħi, u għaraft kemm verament nixtieq naqdi lill-Knisja biex nsir Kristu għall-oħrajn.