Ma jistħoqqlix Mulejja

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġwanni l-Battista kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu. Jiena għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidtkom bl-Ispirtu s-Santu”.
U ġara li f’dawk il-jiem ġie Ġesù minn Nazaret tal-Galilija, u tgħammed minn Ġwanni fil-Ġordan. U minnufih hu u tiela’ mill-ilma ra s-smewwiet jinfetħu, u l-Ispirtu bħal ħamiema nieżel fuqu; u mis-smewwiet instama’ leħen: “Inti ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Is-silta li għandna llum minn Mark, titlaq mill-predikazzjoni ta’ Ġwanni l-Battista. Dan Ġwanni, ġgant fl-istorja tas-salvazzjoni u minkejja dan ma jixraqlux iħoll lanqas il-qfieli tal-qorq ta’ Ġesù. Li jagħmel Ġwanni huwa li jfaħħar, li jagħti glorja lil Ġesu’ u jwassal lil ħaddieħor biex jagħmel l-istess. Il-qawwa ta’ Ġesu’ li hija qawwija aktar minn kull qawwa umana u mondana ġejja mill-fatt li huwa jgħammed bl-Ispirtu s-Santu. Huwa jista’ jgħaddi l-Ispirtu t’Alla li jmexxi l-ispirtu uman, il-bnedmin. Dan aħna irċevejnieh fil-magħmudija tagħna – tajjeb li nirriflettu fuq hekk aħna wkoll illum.

Il-qfieli tal-Qorq

“jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu”

Din li jħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu hija tradizzjoni antika, infatti kien ix-xogħol li jagħmel il-qaddej. Din kienet tiġri fi żjajjar ta’ nies importanti, illi l-qrieq tagħhom kienu jħollumhomlhom ħdejn il-bieb ta’ barra u kienu jingħaddu lil xi qaddej. Infatti l-Lhud kienu jgħidu li id-dixxipli setgħu jaqdu lill-imgħallem tagħhom eżatt bħalma qaddej jaqdi lis-sid tiegħu, minbarra li jħollulu u jeħdulu l-qorq tiegħu. Kien xogħol wisq degradanti għad-dixxiplu, iżda Ġwanni jisħaq li lanqas jagħmel hekk ma kien jisħoqqlu.

Alla viċin.

 “U minnufih hu u tiela mill-ilma ra s-smewwiet jinfetħu, u l-Ispirtu bħal ħamiema nieżel fuqu.”

Is-smewwiet jinfetħu u sseħħ il-laqgħa tat-Trinita’ Qaddisa. Is-smewwiet mhux talli jinfteħu iżda jiċċartu fit-tnejn u din tfakkarna fit-talba tal-profeta Isaija: “Mhux li kien iċċarrat is-smewwie tu tinżel fostna.” Huwa bidu ġdid tar-relazzjoni ta’ Alla mal-bniedem, fejn il-komunikazzjoni bejn Alla u l-bniedem ssir aktar diretta, u ċara. Din ir-relazzjoni tiġi kkonfermata u ssir aktar definittiva mal-mewt ta’ Ġesu’ meta l-velu tat-tempju jiċċarrat.  

Ġesu’ jġib miegħu t-Tama.

L-ispirtu li jieħu l-forma tal-ħamiema, simbolu tas-sagrifiċċju reliġjuż, bħalma rajna Ġużeppi u Marija jmorru fit-tempju biex joffru l-offerta fqira tagħhom joffru par ħamiem. Il-ħamiema li kellha l-messaġġ ta’ tama għal Noe’ fid-dulluvju. Hekk issa wkoll permezz ta’ Ġesu’ qed titwettaq it-tama għas-salvazzjoni, qed issir aktar konkreta. Ukoll il-ħamiema tul is-snin kienet is-simbolu tal-paċi u l-ġentilezza.

“U mis-smewwiet instama’ leħen: “Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi”.

Hawnhekk b’differenza minn Mattew, il-leħen huwa indirizzat lejn Ġesu’. Il-Missier li jkellem lill-Ibnu direttament, filwaqt li f’Mattew l-Missier ikellem lil Ġwanni, lid-dixxipli miġbura, lill-poplu Lhudi u anke lilna wara tant snin.

Aħna lkoll msejħin biex ngħatu kas tal-Magħmudija tagħna, aħna wkoll ulied il-Missier. Kif ser nibżgħu għal Magħmudija tagħna?

1.    Billi nibqgħu niftakru li l Magħmudija hija sejħa kontinwa għall-indiema u l-qdusija.

2.    Il-Magħmudija fiha nfisha ssejħilna biex inkunu mħejjija sewwa bie ningħaqdu mal-mejda tal-Mulej. Niftakru li fil-bidu tal-Kniisja, kienu l-imgħammdin biss li setgħu jipparteċipaw mal-mejda ewkaristika, dawk li kienu mimlija bil-frott tal-Magħmudija setgħu jieklu mill-ħobż tal-vjaġġ.

3.    Il-Magħmudija tista’ tkun imma xhieda kontrina. Tradizzjoni antika tgħid li ċertu wieħed Elpidophorus waqa’ fl-ereżija u d-djaknu li kien għammdu urieh il-libsa l-bajda li kien ingħata fil-Magħmudija u qallu: “Din għad tkun ta’ xhieda kontrik għall-eternita’.” Li nibżgħu għal dka li rċivejna fil-Magħmudija: li niftakru li fil-Magħmudija aħna sirna ħolqien ġdid fi Kristu, aħna parti mill-patt il-ġdid. Li nirriflettu u neżaminaw lilna nfusna fejn qegħdin ntebbgħu l-libsa l-bajda. Illi quddiem it-temtazzjonijiet, id-dgħufija umana niftakru li aħna Mgħamdin. Dionysia, kienet tfarraġ lill-binha Majorcus, martri Afrikan billi kienet tgħidlu: “Ftakar ibni li inti mgħammed fl-isem tal-Missier, u tal-Iebn u tal-Ispirtu s-Santu, żomm sod.”

Ftit punti żgħar għar-riflessjoni:
Fil-Magħmudija nirċievu l-vokazzjoni tagħna. Kemm jien konxju tal-missjoni fdata lili mill-Missier? Kif infittex li ngħix dil-missjoni fdata lili ta’ kuljum? Nemmen verament li Alla l-Missier iħobbni b’imħabba ta’ Missier u jfittex li jirrellata miegħi b’din l-imħabba Paterna?

Talba
O Marija, li ċċekkint quddiem Ibnek
O Marija, li ġibt fid-dinja t-tama waħdanija tagħha,
O Marija, li smajt u lqajt l-missjoni ta’ Alla għalik u qdejta bil-qalb kollha, għin lili illum, u lill-bnedmin kollha, nagħmlu dejjem ir-rieda tiegħu. Ammen.
Sliema u Qaddisa.