Mons. Salvin Bartoli Galea

Monsinjur Salvin Bartoli Galea, magħruf għall-ħidma twila tiegħu fil-qasam tal-ġurnaliżmu Kattoliku, twieled il-Belt fis-6 ta’ Diċembru tal-1914. Meta kiber studja fil-Liċeo u f’żogħżitu huwa kien jattendi iċ-Circolo Gioventù Cattolica fil-Belt. Meta l-ġurnal Kattoliku Leħen Is-Sewwa ġie afdat f’idejn l-Azzjoni Kattolika, huwa kien wieħed miż-żgħażagh li l-aktar kien jgħin lill-avukat Herbert Ganado, li kien l-editur ta’ dan il-gurnal. Darba kiteb: “Jien ma għandi ebda dubju li l-gurnaliżmu hu vokazzjoni. Ħassejt minn mindu kont għadni żgħir ġibda li ngħidilha passjoni għall-ġurnaliżmu.” U tassew hekk kien.

Bħala żagħżugh kien mhux biss il-President tal-Kummissjoni tal-Istampa t-Tajba taċ-Circolo, iżda kien ukoll jikteb u jaħdem biex jara l-ġurnal Kattoliku jkompli jinxtered u jinqara. Meta daħal l-Università jistudja għal qassis, sar l-editur tar-rivista tal-Lega Universitaria Cattolica Maltese. Huwa ġie ordnat saċerdot wara li studja l-Liċenzjat fit-teoloġija fl-eqqel tal-gwerra fl-1940. Minkejja s-snin diffiċli tal-gwerra, Dun Salvin mill-ewwel intefa’ għax-xogħol. Kien biss tliet snin wara li qaddes li l-awtoritajiet ekkleżjastiċi fdawlu f’idejh it-tmexxija tal-ġumal Kattoliku Leħen Is-Sewwa li baqa’ jmexxih għal tletin sena sħaħ mingħajr qatt ma ħa ebda ħlas.

Wara ż-żmien diffiċċli tal-gwerra, bil-għaqal u l-prudenza tiegħu, irnexxielu mhux biss jibqa’ jżomm ħaj dan il-ġurnal, iżda wkoll jagħtih ħajja ġdida. F’wieħed mill-aħħar editorjali tiegħu kiteb li l-Kattoliċi għandhom iħabirku u jinsistu biex l-istampa tilħaq l-iskop tagħha, dik li tressaq lill-bnedmin aktar lejn Alla, permezz tal-kitba skond il-verità, il-ġustizzja u l-imħabba. Fil-fatt kemm dam editur ta’ dan il-ġurnal, Dun Salvin dejjem fittex li bl-imħabba, bil-prudenza, bi spirtu saċerdotali u b’lealta sħiħa lejn il-Knisja li kien tant iħobb, ipprova jagħmel dejjem il-ġid u jiddefendi s-sewwa.

Kien jaf jikkritika mingħajr ma joffendi u jwiddeb mingħajr ma jniggeż. Kiteb b’kuxjenza Nisranija u ma beżax isostni l-prinċipji li kien jemmen fihom kemm fi żminijiet sbieħ kif ukoll fi żminijiet koroh, kemm f’mumenti ta’ kwiet kif ukoll f’mumenti ta’ kriżi. L-editorjali tiegħu kienu mfittxija minn dawk kollha li kienu jixtiequ jafu l-pożizzjoni tal-Knisja fuq il-problemi tal-mument.

F’wieħed mill-aħħar editorjali tiegħu kiteb li l-Kattoliċi għandhom iħabirku u jinsistu biex l-istampa tilħaq l-iskop tagħha, dik li tressaq lill-bnedmin aktar lejn Alla, permezz tal-kitba skond il-verità, il-ġustizzja u l-imħabba

Bir-raġun il-mibki Dr Herbert Ganado, li għal snin twal kien qrib tiegħu ħafna, seta’ jikteb: “Dun Salvin kien bniedem kolt. Kolt bħala qassis u bħala storiku. Kien studjuż u kellu spiritwalità kbira fih. Ma kien qatt jilmenta, qatt ma jgħid kelma fuq in-nies jew fuq is-superjuri tiegħu. Huwa kien editur kuraġġuż u prudenti, bniedem sinċer, onest, oġġettiv u mimli mħabba għall-proxxmu tiegħu. Dħuli ma’ kulħadd, sempliċi, umli, bla pożi, ħaddiem dedikat għall-missjoni tiegħu ta’ saċerdot. It-talb, il-ġurnal, il-qrar, l-istudju u l-priedki kienu l-programm tal-ġurnata tiegħu.”

U tassew kien hekk, għax minkejja l-ħidma twila tiegħu fil-kitba u fit-tmexxija tal-ġurnal, Dun Salvin Bartoli Galea matul ħajtu qatt ma traskura l-ħidma pastorali tiegħu bħala saċerdot. Kien konferenzier u predikatur imfittex, u kull nhar ta’ Ħamis kien jippriedka fil-knisja ta’ San Pawl, il-Belt. Fuq kollox kien iqatta’ sigħat sħaħ fil-konfessinarju kemm fil-knisja ta’ San Pawl, kemm f’dik ta’ San Ġakbu, kif ukoll fil-Konkatidral ta’ San Ġwann meta sar Monsinjur. It-tjubija u l-umiltà tiegħu kienu jiġbdu n-nies lejh. Fil-fatt nistgħu ngħidu li miet fil-konfessinarju.

Kien fid-29 ta’ Jannar tat-1973, meta bħalma kien jagħmel kuljum, wara ġurnata fl-uffiċċju, filgħaxija kien qiegħed bħas-soltu jqarar fil-knisja ta’ San Pawl meta f’daqqa waħda ħass bard kbir fuqu u qam mill-konfessinarju biex imur jirtira d-dar. Lil wieħed raġel li talbu biex iqarru, qallu: “Ejja nqarrek id-dar għaliex ma niflaħx bil-kesħa li qed inħoss”. Imma lanqas laħaq wasal id-dar. Monsinjur Salvin Bartoli Galea miet fl-età ta’ 59 sena. Waqt il-funeral, l-Isqof Gerada kellu raġun isejjaħlu il-fjur tas-saċerdoti ta’ Malta.

Mill-ktejjeb “Il-frott tagħhom jibqa’…”, kitba tar-Rev. Kan. John Ciarlò, pubblikazzjoni tas-Seminarju tal-Arċisqof, 2000