Bih id-dinja ssalva

EVANĠELJU
Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja biex bih hija ssalva.
Ġw 3:14-21

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil Nikodemu: “Kif Mosè rafa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.

Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem tal-Iben il-waħdieni ta’ Alla.

U l-ġudizzju huwa dan: li d-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl, għax l-għemil tagħhom kien ħażin. Għax kull min jagħmel il-ħażen jobgħod id-dawl, u ma jersaqx lejn id-dawl, biex għemilu ma jinkixifx. Imma min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl, biex juri li hemm Alla f’għemilu”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Dan l-Evanġelju jġib parti mid-diskursata bejn Ġesù u Nikodemu. Nikodemu mar ifittex lil Ġesù fid-dlam, billejl, għaliex kien dixxiplu ta’ Ġesù bil-moħbi. Din is-silta nsibuha eżattament wara l-Evanġelju tal-Ħadd li għadda, jiġifieri wara li Ġesù daħal fit-tempju u keċċa l-bejjiegħa. 

F’dan l-Evanġelju jispikka l-istil teatrali: dan l-Evanġelju jibda bi djalogu sa ma Nikodemu jisparixxi mix-xena u jibda jitkellem Ġesù waħdu. Interessanti li Ġesù qiegħed jitkellem ma’ Nikodemu iżda wkoll lill-qarrejja għaliex narawh juża l-verbi fil-plural, ngħidu aħna, “Intom”. It-tema tal-lejl hija importanti għaliex tixħet dawl fuq il-mixja mid-dlam għad-dawl: Nikodemu li jinsab fid-dlam jitkellem ma’ Ġesù, id-dawl tad-dinja. Ġesù jitkellem fuq il-mewt tiegħu b’mod ta’ glorifikazzjoni, anke ma’ Nikodemu. Interessanti wkoll huwa l-mod kif jibda s-silta, fejn iqabbel is-Serp ta’ Mosè miegħu nnifsu, jidher ċar l-element ta’ glorja. Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, lil Ġesù ma narawhx ibati fuq is-salib, għaliex għal Ġwanni, il-mewt ta Ġesù fuq is-salib huwa mument ta’ glorifikazzjoni. 

Fis-sinottiċi naraw lil Ġesù javża lid-dixxipli li ser jgħaddi mill-passjoni, iżda fi Ġwanni ma nsibux dan it-tip ta’ diskors, imma dejjem hawn dawn ir-referenzi għall-mument li fih ser ikun merfugħ. 

Interressanti li fil-ħsieb tal-awtur il-ġudizzju isir minn issa, minn din id-dinja, meta jikteb hekk:
“Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem tal-Iben il-waħdieni ta’ Alla.”

Insibu mill-ġdid id-dinamiżmu bejn id-dlam u d-dawl li Ġwanni jħaddmu ħafna tul l-Evanġelju tiegħu. “U l-ġudizzju huwa dan: li d-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl, għax l-għemil tagħhom kien ħażin.” ‬ ‭Eżempji ta’ dan id-duwaliżmu nsibuh fil-prologu tal-Evanġelju u meta naqraw li Ġuda ħareġ barra mill-aħħar ċena u “kien billejl”.

STEDINA GĦALL-GĦAŻLA

Ġesu jistedinna biex nagħżlu bejn id-dlam u d-dawl. Ma nistgħux nibqgħu fin-nofs. Għaliex ““Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem tal-Iben il-waħdieni ta’ Alla” (Ġwanni ‭3:16, 18‬).

Jekk tassew nemmnu li Kristu huwa id-dawl u li huwa ġie merfugħ fuq is-salib biex infiequ, kif nistgħu ma nersqux lejh? Hu li jista’ jfejjaqna mil-velenu tax-xitan. Dan l-Evanġelju jagħmlilna din l-istedina li jiddependi minn kull wieħed u kull waħda minna x’għala se nagħmlu. Jalla l-għażla li nagħmlu, nagħmluha fid-dawl tal-kelma tiegħu! 

Talba
O Marija, inti li fil-ħajja tiegħek fittixt li dejjem tagħżel dak li hu ta’ Alla, dawwal, nitolbok, il-qalb tiegħi biex tagħraf tagħżel biss dak li jista’ jagħmilni iżjed nixbaħ lil Ġesù. Ave Maria.