Bniedem sħiħ

Fil-Librerija tat-Teoloġija, fis-Seminarju, qed jiġu murija numru ta’ kotba ta’ valur b’rabta ma’ Dante Alighieri, il-poeta tas-sekli tlettax u erbatax magħruf l-aktar għall-Kummiedja Divina, li din is-sena qegħdin infakkru s-seba’ mitt anniversarju mill-mewt tiegħu.

Fost il-kotba għall-wiri hemm l-iżgħar pubblikazzjoni tal-Kummiedja miż-żmien tar-Rinaxximent, magħrufa bħala d-Dantino. Din l-edizzjoni hija indirizzata mill-printer lill-Kardinal Giulio de’ Medici li, fl-1523, ġie elett Papa Klement VII. Insibu wkoll, fost l-oħrajn, il-Kummiedja Divina b’illustrazzjonijiet ta’ Gustav Doré (ippubblikat fl-1894 [stampa ta’ fuq]), kummentarju fuq kitbiet ta’ Dante minn Michele Scherillo (ippublikat fl-1911), u xogħol riċenti ta’ Giulio d’Onofrio dwar l-isfond alto-medjevali u monastiku ta’ Dante (ippubblikat fl-2020).

Għaliex Dante u għaliex illum? Ix-xogħlijiet ta’ Dante għadhom sal-ġurnata tal-lum parti integrali mill-kultura tagħna, u jeħduna għall-għeruq insara tal-Ewropa u tal-Punent. Kif jikteb Papa Franġisku fl-Ittra Appostolika Altissimi Cantus, fil-kitba ta’ Dante nistgħu naraw il-wirt t’ideat u valuri li l-Knisja u s-soċjetà ċivili jkomplu llum ukoll iħeġġu bħala l-bażi t’ordni soċjali aktar umana u li tgħina naraw lil xulxin bħala aħwa.

Il-Kummiedja Divina mhijiex biss waħda mill-aktar poeżiji magħrufa li qatt inkitbu, imma wkoll sors ta’ riflessjonijiet teoloġiċi, l-aktar għal żmien l-Għid. Il-Kummiedja Divina – li hija l-vjaġġ immaġinarju fl-Infern, fil-Purgatorju u fil-Ġenna li jagħmel Dante – tisħaq fuq il-qawmien tal-ġisem mill-imwiet fl-aħħar taż-żmien. Kontra l-karatteristiċi ta’ ħafna filosofiji u spiritwalitajiet moderni, li bħal donnhom iridu lill-bniedem jinħeles mit-toqol tal-ġisem fi tfittxija għal spiritwalità pura, impossibbli, Dante jfakkarna li l-fidi Nisranija hija minnha nfisha ‘innu għall-ġisem’; kull bniedem hu salvat fis-sħuħija tiegħu, għax kull bniedem hu msejjaħ biex ikun bniedem sħiħ.

Għal aktar informazzjoni dwar ilLibrerija tat-Teoloġija, nitolbukom tiktbu fuq [email protected] jew iżżuru Theology Library Rabat | Facebook.