“Ara se nġedded kollox” (Apok. 21:5)

Dan il-vers mill-Ktieb tal-Apokalissi, attribwit lil San Ġwann l-Evanġelista, kien il-fulkru tal-irtir li permezz tiegħu nfetħet is-sena seminaristika 2021-2022. L-irtir ġie mmexxi mill-Prof. Edward Warrington, direttur spiritwali maċ-Ċentru tal-Ispiritwalità Injazjana u professur fl-Università ta’ Malta fil-Fakultà tal-Ekonomija, Immaniġġjar u Kontabilità.

F’10 sessjonijiet, Warrington stedinna biex nagħmlu dan il-vjaġġ ma’ San Ġwann, pass pass permezz tal-kapitli li nsibu f’dan il-Ktieb. Irtir, li permezz ta’ diversi temi, sejjaħ lill-komunità biex tidħol f’kontemplazzjoni, li fi kliem il-kelliem stess, “nagħtu ħarsa fit-tul bi mħabba”. Bla ma rridu meta nisimgħu bl-aħħar ktieb li nsibu fl-Iskrittura, immorru mill-ewwel għall-aħħar tad-dinja. Però dan il-ktieb tar-Rivelazzjonijiet, jitkellem dwar żmienna u dwar kull żmien. Dan għaliex l-ewwelnett jistedinna biex ninfetħu għal Alla u għall-oħrajn; li parti ma tinnegax oħra. Wara dan il-ftuħ, ikompli jistedinna biex nikkontemplaw il-Knisja, li Alla sejħilna lkoll biex naqdu permezz tad-diversi sejħat li jagħmel fil-ħajja tagħna – kulħadd bil-vokazzjoni tiegħu.

Il-qassis li jrid ikun
“midħla tal-qalb ta’ Kristu”

Għalina, li ninsabu fil-formazzjoni, ġejna mitlubin immorru lura għal dak il-jum, żmien, okkażjoni li fihom rajna l-għeġubijiet ta’ Alla u li permezz tagħhom għexna din il-grazzja. Mumenti li fihom doqna farka mill-imħabba infinita ta’ Alla. Fid-dawl ta’ din il-Kerygma, irriflettejna dwar il-presbiterat u dwar x’inhu s-saċerdot – “‘anġlu’, kustodju u medjatur, qaddej u mexxej, xhud u ħmira, mogħni bis-setgħa li jiftaħ u jagħlaq, li jħoll u jorbot.” Il-qassis li jrid ikun “midħla tal-qalb ta’ Kristu”.

Permezz tal-irtir, inkisru diversi preġudizzji li kelli dwar dan il-ktieb, li qajla kont midħla tiegħu għajr għal ftit passaġġi li naqraw matul is-sena fil-Liturġija tal-Kelma. Anzi, qalb it-tkexkix u l-mostrożità li nsibu fid-dehriet u x-xeni li jippreżentalna San Ġwann f’kapitlu 13, tnisslet fina b’konvinzjoni tama biex inkunu parti mix-xirka tal-mifdijin, “li għandhom l-ilbiesi twal bojod” (Apok. 7,13) u “li ġejjin mit-taħbit il-kbir, u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf” (Apok. 7,14).

Matul l-irtir ġejna mistiedna nirriflettu b’mod kontinwu dwar kemm qed naħsbu fuq dak il-jum u dik is-siegħa li għad tiġi.

Ninsab verament lest biex immur mal-“mejda tat-tieġ tal-Ħaruf”? (Apok. 19,9)

Irrikonċiljajt ma’ xi ħadd li stajt inqast bi kliemi jew għemili?

Kemm qed nitlob il-grazzja biex inkun xieraq għal dan il-mument li għad irrid nindirizzah?

Fuq kollox, matul dan l-irtir tlabna l-grazzja li aħna wkoll, minkejja t-tant battalji matul il-ħajja tagħna, ikollna rebħa definittiva, b’tama qawwija – frott dak li qal l-Imgħallem stess: “Ara, jiena ġej dalwaqt” (Apok. 22,12). Ġesù li rrivela lilu nnifsu, mixhud fl-aħħar perikope, bi speranza u, fl-istess ħin, għatx għal kull persuna, maħluqa u maħbuba minnu, biex fl-aħħar jum kull wieħed u waħda minna jgħid “Hekk ikun. Ejja, Mulej Ġesù!” (Apok. 22,20).