L-Ewwel Ħadd tal-Avvent

EVANĠELJU Lq 21:25-28, 34-36

Qari mill-Evanġelju Mqaddes skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ikun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b’qalbhom ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u tal-imwieġ; in-nies ruħhom ħierġa bil-biża’ billi jobsru xi jkun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu.

Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b’qawwa u glorja kbira. Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.

Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għall-għarrieda. Għax hu Jum li għad jaqa’ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha. Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kulma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem”.


Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.


Minkejja li bdejna sena liturġika ġdida, il-Vanġelu xorta huwa kontinwazzjoni mill-aħħar Ħadd tas-sena ta’ qabel biex niftakru li l-ħajja fil-fidi għandha dan ir-ritmu ċikliku: permezz tal-magħmudija aħna mistiedna ngħaddu mill-mewtiet żgħar ta’ ħajjitna biex dejjem nitwieldu għall-ħajja ġdid fl-Ispirtu ta’ Kristu.

Iżda biex inżommu sħaħ fil-fidi, jeħtieġ li nieħdu ħsieb:

  1. li nagħtu attenzjoni lil qalbna biex ma naljenawx ruħna u lanqas ma nitħassbu ż-żejjed. Dawn iż-żewġ elementi jmewwtu fina s-sens ta’ liberta’ interjuri biex inkomplu nħallu l-Ispirtu t’Alla jaħdem fina.
  2. Li nishru, jiġifieri li nkomplu nagħmlu dik ix-xi ħaġa aktar anke bil-lejl meta taħkimna l-għejja, u il-qtigħ il-qalb, nibgħu b’din l-attenzjoni, b’din il-ħafsa tagħna fuqu.
  3. Dawn iwasslu għall-għarfien ta’ relazzjoni dejjiema ta’ mħabba miegĦu: it-talb bla waqfien.

Fil-ftuħ ta’ sena ġdida, qed ningħataw gwida ta’ kif nistgħu nkunu dixxipli aktar awtentiċi.

Ħalli lil Ġesù jkellem lil qalbek:

  • Kif inħares lejn it-taqlib tad-dinja bħalissa? U meta ngħaddi mit-taqlib jien?

  • X’tip t’attenzjoni hemm bżonn li nagħti lil dak li għaddej minnu bħalissa?

  • Fil-ħin ta’ waħdi, nuża dan il-ħin biex inkun aktar miftuħ għal-preżenza t’Alla ġewwa fija?
  • X’nara li hu l-pass li jmiss fil-bidu ta’ din is-sena liturġika?

Talba
Mulej, agħmel li matul dan l-Avvent, ma nintilifx fit-taqlib u fil-ġenn li niltaqa’ miegħu, imma għinni nfittex dejjem li nkun fil-presenza tiegħek. Ammen.

Din il-lectio ġiet immexxijja mis-Sinjura Louise Laferla.