Librerija

Il-Librerija tas-Seminarju tal-Arċisqof, bl-għajnuna tal-Fondazzjoni għall-Istudji Teoloġiċi, tfittex li toffri lill-istudenti u lir-riċerkaturi b’firxa wiesa’ ta’ kotba, ġurnali u perjodiċi minn oqsma diversi tat-teoloġija.

Librara: Ms Dora Castorina
Tel:
  (+356) 2145 5497
Email: [email protected]
Facebook: https://www.facebook.com/theolibrary.rabat/
Katalogu elettroniku: http://library.seminary.org.mt/

Storja

Il-librerija tas-Seminarju taf il-bidu tagħha f’Ottubru 1756, meta l-Isqof ta’ Malta Paul Alpheran de Bussan ħalla l-ewwel kotba lis-Seminarju, u ta l-għajnuna finanzjara neċessarja biex tibda tinżamm librerija fis-Seminarju. 

Fl-ewwel snin, il-librerija kienet pjuttost żgħira, u bdiet tikber b’donazzjonijiet ta’ kollezzjonijiet personali ta’ numru ta’ qassisin, fosthom tal-patrijott Dun Mikiel Xerri (1737-1799), u fis-snin aktar riċenti, ta’ Monsinjur Joseph Sapiano, Monsinjur Joseph Lupi u l-Kanonku Benjamin Tonna.

Fil-librerija llum hemm madwar 35,000 ktieb, u ġabra vasta t’aktar minn 350 perjodiku. Għalkemm il-librerija hi librerija filosofika u teoloġika, tinkludi wkoll sezzjonijiet dwar il-psikoloġija, is-soċjoloġija, il-politika, l-istorja, u sezzjoni rikka ta’ Melitensia. 

Il-librerija tas-Seminarju segwiet lis-Seminarju kull fejn kien, iżda data sinifikattiva hi l-1978. Mhux biss il-librerija ċċaqalqet mill-Furjana għar-Rabat, iżda f’dik is-sena wkoll il-Fakultà tat-Teoloġija ġiet imkeċċija mill-Università ta’ Malta u bdiet perjodu t’għaxar snin bħala istituzzjoni awtonoma, ibbażata wkoll f’Tal-Virtù, ir-Rabat. Dan fisser li l-librerija kienet librerija ta’ żewġ istituzzjonijiet differenti (tas-Seminarju u tal-Fakultà) imma taħt saqaf wieħed u b’amministrazzjoni waħda.

Il-kotba li kienu nxtraw sal-1988, sar-ritorn tal-Fakultà lura fl-Università ta’ Malta, baqgħu fil-librerija f’Tal-Virtù, u f’Settembru ta’ dik is-sena ġiet imwaqqfa l-Fondazzjoni għall-Istudji Teoloġiċi biex tkompli tieħu ħsieb il-librerija.

Sadanittant, il-librerija tas-Seminarju kompliet tikber, u binja ġdida miżjuda u sezzjoni speċjalizzata fuq il-kleru Malti ġew inawgurati mill-Arċisqof Mercieca fl-1999. Fl-2005 tlesta wkoll it-trasferiment ta’ 5,000 kotba mill-librerija tal-Istitut Kattoliku fil-Furjana, li kienet għalqet f’nofs id-disgħinijiet.

Illum, il-librerija hija miftuħa għall-pubbliku inġenerali.