Il-formazzjoni fis-Seminarju hi kkaratterizzata minn erba’ dimensjonijiet: umana, spiritwali, intellettwali u pastorali.
Formazzjoni Umana
Is-saċerdot, permezz tal-persuna sħiħa tiegħu, huwa msejjaħ biex ikun pont bejn Alla u l-bniedem. Għaldaqstant, kull seminarista huwa meħtieġ li jikber f’dawk li huma l-karattru u l-abitudnijiet sabiex il-preżenza tiegħu verament tgħin, u mhux tfixkel, din il-laqgħa tal-bniedem ma’ Alla. Permezz tal-formazzjoni umana, is-seminarista jiġi aktar konxju tal-abiltajiet tiegħu, sabiex ikompli jkattarhom, filwaqt li jagħraf ukoll punti li jeħtieġ aktar maturità fihom. Dan għaliex huwa mhux biss iwassal il-bxara tajba tal-Evanġelju permezz ta’ kliemu, imma wkoll hu nnifsu għandu jkun bxara tajba, li l-persuna tiegħu tkun messaġġ fiha nnifisha.
Hemm diversi taqsimiet relatati mal-formazzjoni umana li s-seminarista jkun mistieden jaħdem fuqhom tul iż-żmien tiegħu fis-Seminarju:
- Fiżiku: dan ifisser li wieħed jieħu interess f’saħħtu, f’dak li qed jiekol, li jagħmel xi tip ta’ eżerċizzju fiżiku, u li jistrieħ;
- Psikoloġiku: jiffoka fuq il-bini ta’ personalità sħiħa, jiġifieri maturità fl-emozzjonijiet, fil-kontroll tiegħu nniffsu u f’sesswalità integrata;
- Morali: li s-seminarista ta’ kuljum jaħdem sabiex jifforma l-kuxjenza tiegħu b’mod aktar sħiħ, li twasslu jieħu deċiżjonijiet aktar ġusti u oġġettivi, u allura nieqsa minn kull interess personali.
Formazzjoni Spiritwali
Is-saċerdot huwa fid-dmir li jkompli l-missjoni li Ġesù għadda lill-appostli qabel ma tela’ s-sema: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien” (Mt 28: 19-20a). Għalhekk, huwa importanti ħafna li s-seminarista ta’ kuljum jaħdem qatigħ sabiex jikber fir-relazzjoni tiegħu m’Alla, sabiex Hu jkompli jagħti direzzjoni lil ħajtu, ifakkru fil-missjoni afdata lilu, u jfakkru li minn issa, imma anke ġaladarba jkun saċerdot, dak kollu li jaħseb, jgħid u jagħmel ikun qed jagħmlu f’ismu. Importanti wkoll li s-seminarista jikber fl-aprezzament tal-liturgija tal-Knisja, fid-devozzjoni lejn Marija Santissima u fil-ministeru tal-interċessjoni għall-Poplu ta’ Alla.
Xi affarijiet importanti fil-formazzjoni spiritwali huma:
- Talb fis-skiet permezz tal-Iskrittura Mqaddsa, li permezz tagħha s-seminarista jiltaqa’ b’mod personali mal-persuna ta’ Ġesù;
- Is-Sagrament tal-Ewkaristija u kif ukoll ħin ta’ adorazzjoni, li jfakkru lejn min irid jorjenta ħajtu;
- Il-Liturġija tas-Sigħat, li tibnih fit-talb ta’ interċessjoni għall-poplu afdat lilu;
- Is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, li permezz tiegħu u b’umiltà jagħraf dejjem aktar il-fraġilità tiegħu, u allura jesperjenza l-ferħ tal-imħabba u l-maħfra t’Alla;
- Id-direzzjoni spiritwali, fejn b’libertà sħiħa jaqsam dak kollu li jkun għaddej minnu filwaqt li jirċievi wkoll direzzjoni għall-aħjar triq ’il-quddiem.
Formazzjoni Intellettwali
Tul iż-żmien tas-Seminarju s-seminarista jsegwi diversi korsijiet ġewwa l-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta. Tul dawn il-korsijiet, li prinċipalment jitrattaw l-istudji filosofiċi u teoloġiċi, huwa jirċievi l-għodda intelletwali meħtieġa sabiex ikun jista’ jartikola t-tagħlim ta’ Kristu u tal-Knisja b’mod sħiħ u tajjeb. Dan iservih għal waqt l-omeliji, xi diskorsi li jkun mitlub jagħmel, u anke sabiex waqt li jidjaloga mad-diversi persuni li jiltaqa’ magħhom iwasslilhom il-fidi vera li hija mibnija fuq it-tagħlim ta’ Kristu u tal-appostli.
Iż-żmien ta’ studju fl-Università jkun imqassam b’dan il-mod:
- Baċellerat tal-Arti fit-Teoloġija mal-Filosofija (tliet snin): fit-Teoloġija ssir introduzzjoni ġenerali għat-Teoloġija, materji dwar reliġjonijiet oħrajn, introduzzjoni għas-sagramenti, interpretazzjoni tal-Iskrittura, u t-Teoloġija Fundamentali, fost l-oħrajn; fil-filosfija s-seminarista jistudja l-istorja tal-filosfija, u kif ukoll materji speċifiċi bħall-etika, il-metafiżika, u l-filosofija tal-lingwa, fost l-oħrajn. Tul dawn it-tliet snin isiru wkoll xi korsijiet fil-psikoloġija u fis-soċjoloġija.
- Masters fit-Teoloġija (sentejn): matulu jiġu trattati materji bħal-Liġi Kanonika, is-Sagramenti, l-Iskrittura, l-istorja tal-Knisja u l-Patristika, fost l-oħrajn. Matul dan il-kors, is-seminarista jikteb ukoll teżi, li permezz tagħha jkun jista’ japprofondixxi l-ħsieb tiegħu dwar xi materja teoloġika li jkollu għal qalbu.
- Liċenzjat fit-Teoloġija, b’enfasi fuq il-pastorali (sentejn): matul dan l-aħħar kors, li normalment jibda meta l-kandidat għas-saċerdozju jkun diġà ġie ordnat djaknu, isiru korsijiet dwar is-sagrament tar-rikonċiljazzjoni, l-omeletika, l-iżvilupp tal-Knisja, Counselling Pastorali, u Direzzjoni Spiritwali, fost l-oħrajn. Apparti minn hekk, il-kors jinvolvi numru ta’ placements li jagħtu ċans lill-kandidat jattwa fir-realtà dak li jkun qed jiġi diskuss. F’dan il-kors, il-kandidat huwa wkoll mitlub jikteb teżi, li għandha tkun tiffoka fuq xi tema pastorali.
Formazzjoni Pastorali
L-għan aħħari tas-Seminarju huwa li jorjenta lis-seminarista għall-barra mill-post u mill-programm tal-formazzjoni formali. Allura l-formazzjoni pastorali tgħin lis-seminarista jikber f’dak li huwa xebh mal-figura ta’ Kristu, ir-Ragħaj it-Tajjeb, billi jkattar fih il-ġenerożità, l-imħabba għal kulħadd, b’mod speċjali għall-foqra, u anke l-ħeġġa għas-Saltna t’Alla. Parti importanti minn din il-formazzjoni hija l-bini tas-sensittività pastorali, jiġifieri li s-seminarista jkabbar fih sens ta’ smigħ, u allura ta’ dixxerniment, kemm għall-ħajja tiegħu personali u kif ukoll għal dak li ħaddieħor ikun qed jaqsam miegħu.
L-għan tal-formazzjoni pastorali jintlaħaq permezz ta’:
- opportunitajiet ta’ ministeru li jingħataw lis-seminaristi tul il-fażi residenzjali tas-sena seminaristika, kemm fil-komunità u kif ukoll ’il-barra minnha;
- assenjament f’parroċċa, li jżur matul tmiem il-ġimgħa, fejn jieħu idea aktar reali tal-ħajja tas-saċerdot fl-aspett liturġiku, spiritwali u komunitarju tagħha;
- permezz ta’ sezzjonijiet ma’ Pastoral Mentor, fejn is-seminarista jkollu ċans jesprimi, fi grupp jew inkella one-to-one, xi sfidi li jkun qed jiltaqa’ magħhom fil-ħidma pastorali tiegħu u jirċievi xi punti ta’ għajnuna biex ikun jista’ jgħix aħjar dak li l-ministeru jkun qed ipoġġi quddiemu.