It-tema tas-sena

“Għalhekk, ħuti għeżież, żommu sħiħ, titħarrkux; ħabirku dejjem fil-ħidma tal-Mulej. Kunu afu li l-ħidma tagħkom fil-Mulej mhijiex għalxejn.”
1 Korintin 15:58

Il-kuntest ta’ dan il-vers fl-aħħar tal-kapitlu 15 tal-ewwel ittra lill-Korintin hu l-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù Kristu u l-qawmien tal-mejtin u l-ġisem glorjuż. Ir-Risurrezzjoni ta’ Ġesù, fit-tielet jum wara l-mewt u d-difna tiegħu, kienet il-ġrajja prinċipali fil-prietki Nsara tal-bidu. Għalkemm kienet sorprendenti u mhux mistennija, testi importanti mit-Testment il-Qadim jixħtu dawl fuq din il-ġrajja tal-għaġeb.

Ir-rakkont tal-ħolqien hu karatterizzat minn numru ta’ ripetizzjonijiet, u fir-ritmu ta’ dawn ir-ripetizzjonijiet, żewġ ġrajjiet jispikkaw – it-tnejn jaħbtu fi tmiem intervalli ta’ tlitt ijiem. Fl-ewwel “tielet jum,” Alla sejjaħ l-inxif art, u “nibbtet l-art il-ħaxix, ħaxix li jagħmel iż-żerriegħa skont għamlietu u siġar jagħmlu l-frott biż-żerriegħa skont għamlietu” (1:12). Hawnhekk għandna ħajja ġdida li qed tinbet mill-art – post tal-mewt. Fit-tieni “tielet jum” Alla jaħlaq lill-annimali u lill-bniedem (1:24), u aktar tard naqraw li Alla ħalaq lill-bniedem mit-trab tal-art. Il-bniedem biss, iżda, hu maħluq fuq xbieha t’Alla, u mal-bniedem biss hu li Alla jidħol f’patt, ibierku u jiggwidah.

Alla jsejjaħ lil Abraham biex joffri lill-uniku iben tiegħu Iżakk fuq muntanja fit-tielet jum. Għal darb’oħra għandna lil Alla jagħti ħajja ġdida – did-darba billi ma ntilfitx il-ħajja t’Iżakk u għalhekk Abraham reġa’ rebaħ lura – issa b’mod differenti – lil ibnu l-waħdieni. Fil-ktieb tal-Eżodu naqraw ukoll kif Alla ried jagħmel patt mal-poplu t’Iżrael – li kien għadu kif ġie meħlus mill-jasar tal-Eġittu – propju fit-tielet jum. Alla jagħti ħajja ġdida – u identità – lill-poplu li issa m’għadux imjassar imma qed jiskopri min hu u għaliex kien maħluq.

F’Ġona nsibu wieħed mill-profeti t’Iżrael stess li jonqos milli jobdi lil Alla u li għalhekk jesperejnza l-‘mewt’ f’‘qabar’ mhux mistenni – ħuta kbira. Ġona u l-falliment tiegħu jirrappreżenta dak t’Iżrael, iżda Alla ma jaqta’ qalbu qatt la minn Ġona u lanqas mill-poplu tiegħu u jagħti ħajja ġdida lil Ġona meta l-ħuta xeħtet lil Ġona lura fuq l-art fit-tielet jum – forsi l-aktar ‘risurrezzjoni’ stramba fil-Bibbja. 

Fl-Evanġelji, Ġesù jitkellem dwar qawmien mill-imwiet fit-tielet jum meta jitkellem dwar il-mewt tiegħu mad-dixxipli tiegħu. Fil-fatt, Ġesù jitkellem dwar “it-tielet jum” 21 darba! “It-tielet jum” jirrappreżenta l-inizzjattiva t’Alla li jagħti ħajja ġdida u li jiħol f’patt mal-bniedem: Alla jqajjem ħajja ġdida mill-art (mill-qabar), f’dan il-każ, lil Ġesù, u Alla jidħol f’patt ġdid mal-bniedem permezz tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. L-immaġni tal-Ġenesi u l-iżvilupp tat-tema tul l-Iskrittura Lhudija kollha juruna t-tifsira u s-sinifikat teoloġiku tal-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù.

U dan kollu xi jfisser għalina? Meta niċċelebraw il-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù kull nhar ta’ Ħadd – li kull darba hi ċelebrazzjoni żgħira tal-Għid il-Kbir – inkunu qed nipparteċipaw fil-ġrajja l-aktar ċentrali, unika u vera li tmiss lil ħajjitna intimament u li timliena bit-Tama. Din il-ġrajja kienet mdawwra madwar “it-tielet jum,” bl-implikazzjonijiet kollha tax-xogħol ta’ redenzjoni t’Alla. Aħna mistiedna biex nilqgħu u nieħdu sehem kontinwament f’din il-ġrajja l-kbira fil-ħajja tagħna. Din il-ġrajja tagħtina kontinwament Tama, ħajja ġdida, maħfra, libertà, paċi, konsolazzjoni u ferħ. Tagħtina l-possibbiltà li nimxu ’l quddiem f’kull ċirkustanza ta’ ħajjitna, diffiċli kemm hi diffiċli. Hija l-garanzija tar-rebħa tagħna bħala rigal pur u ħaj li rridu nitgħallmu nirċievu. It-tema ta’ din is-sena, għalhekk, hi konsegwenza ta’ dan ir-rigal kbir.