Il-Konċilju ta’ Trento (1545-1563) waqqaf is-Seminarju bħala istituzzjoni għall-formazzjoni tal-qassisin, u kull djoċesi kienet obbligata li twaqqaf din l-istituzzjoni fit-territorju tagħha. Il-ħsieb wara dan it-twaqqif kien li jinħoloq ambjent tajjeb fejn kandidati għas-saċerdozju setgħu jiġu mħarrġa b’formazzjoni li tagħmilhom rgħajja tajba għall-komunità Nisranija.
F’Malta, is-Seminarju twaqqaf f’dar mikrija fl-Imdina nhar il-25 ta’ Marzu, 1703, b’sitt studenti minn sitt parroċċi differenti jibdew il-formazzjoni tagħhom. L-Isqof Gaspare Gore Mancini (1722-1727) ittrasferixxa s-Seminarju mill-Imdina għall-Belt Valletta fl-1723, iżda ħames snin wara l-Isqof Alferan de Bussan (1728-1757) xtaq lis-Seminarju lura fl-Imdina.
Fl-1740, is-Seminarju ttieħed f’binja ġdida fl-Imdina, imbierka nhar l-20 ta’ Mejju, 1742, qrib il-Katidral. In-numru ta’ qassisin naqas fit-tieni nofs tas-seklu tmintax minħabba pressjoni fuq livelli ogħla t’edukazzjoni u ta’ formazzjoni intellettwali mitluba lill-kandidati mis-Santa Sede u mill-awtoritajiet ekkleżjastiċi Maltin.
Fl-1858, l-Isqof Gaetano Pace Forno (1857-1874) ried jagħmel “riforma radikali fis-Seminarju.” Is-Seminarju ttieħed il-Furjana (f’Casa de Manresa, li qabel kienet dar tal-irtiri mmexxija mill-Ġiżwiti), bidla li wasslet ukoll għal bidla fil-kurrikulu tal-istudji ekkleżjastiċi.
Din il-bidla rat l-introduzzjoni ta’ suġġetti ġodda ta’ studju, fosthom l-istudju tal-Iskrittura, tal-Ebrajk u tal-Ingliż. Wieħed seta’ wkoll jingħata lawrja fit-Teoloġija mis-Seminarju, bil-permess tas-Santa Sede, mill-1860 sal-1874.
L-Amministratur Appostoliku l-Isqof Antonio M. Buhagiar (1885-1888) neħħa l-possibbiltà li qassisin futuri jkunu mħarrġa minn qassisin individwali, li kienu jipprovdulhom taħriġ privat. Issa kien hemm biss żewġ modi ta’ kif kandidati għas-saċerdozju setgħu isegwu l-istudji ekkleżjastiċi: fis-Seminarju jew fil-Fakultà tat-Teoloġija fi ħdan l-Università ta’ Malta.
Is-seminaristi, kemm dawk li studjaw fis-Seminarju u dawk li studjaw fl-Università, setgħu jgħixu barra mis-Seminarju, bl-awtorità tar-Rettur. Is-Santa Sede, iżda, bagħtet lill-Kardinal Pietro La Fontaine bħala Viżitatur Appostoliku f’Malta fl-1909 bil-missjoni li jinvestiga l-ħajja fis-Seminarju. Wara din iż-żjara, l-Isqof Pietro Pace (1889-1914) ordna li l-istudenti kollha, irrispettivament minn fejn jistudjaw, kellhom joqogħdu fis-Seminarju.
Dawn ir-riformi fis-sistema edukattiva tas-seminaristi ġabu magħhom żewġ konsegwenzi prinċipali fil-ħajja tas-Seminarju: l-istudji ekkleżjastiċi kollha issa kienu taħt il-kontroll t’istituzzjonijiet approvati mill-awtoritajiet ekkleżjastiċi – is-Seminarju u l-Fakultà tat-Teoloġija – imma dawn ir-riformi setgħu ikkontribwixxew ukoll għal tnaqqis fin-numru ta’ kandidati għas-saċerdozju.
L-istudji ekkleżjastiċi kollha issa kienu taħt il-kontroll t’istituzzjonijiet approvati mill-awtoritajiet ekkleżjastiċi – is-Seminarju u l-Fakultà tat-Teoloġija
Is-Seminarju baqa’ l-Furjana għal madwar ħamsin sena, meta ġie ttrasferit għal darb’oħra għall-Imdina meta Monsinjur Angelo Portelli (1914-1915) kien nominat Amministratur Appostoliku tad-Djoċesi ta’ Malta. Fl-Imdina, “is-seminaristi setgħu jitolbu u jistudjaw f’ambjent aktar kwiet u miġbur.” Fl-1921, iżda, fi żmien l-Isqof Dom Maurus Caruana (1915-1943), is-Seminarju ttieħed lura l-Furjana.
Ir-riforma tas-Seminarju tkompliet fiż-żmien meta Monsinjur Giuseppe De Piro kien Rettur. F’rapport ta’ ħdax-il paġna, datat nhar is-27 t’Awwissu, 1920 – fl-aħħar tat-tieni sena tiegħu bħala Rettur – De Piro faħħar it-tagħlim tal-filosofija u tat-teoloġija taħt il-gwida tal-Arċisqof Caruana, iżda wera tħassib dwar l-ispirtu rivoluzzjonarju li daħal fis-Seminarju.
Waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, il-binja tas-Seminarju ġiet milquta tliet darbiet u ġarrbet ħsarat kbar, u għal perjodu qasir, is-Seminarju kien trasferit għall-Oratorju, f’Birkirkara.
Fis-seklu għoxrin inħasset aktar il-ħtieġa ta’ vokazzjonijiet qaddisa. Il-qassis futur beda jħares lejn il-qassis Malti mhux biss waqt il-quddiesa iżda wkoll waqt il-qrar, waqt il-prietka, u fl-għajnuna għal dawk li qed imutu. F’dokument lokali maħruġ mid-djoċesi Maltija fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin, il-vokazzjoni saċerdotali ġiet deskritta bħala xewqa kbira għas-servizz tal-oħrajn.
L-Arċisqof Ġużeppi Mercieca (1976-2006) ħa lis-Seminarju fil-post preżenti, f’Tal-Virtù, ir-Rabat, nhar it-28 ta’ Settembru, 1977 (fil-post li qabel kien magħruf bħala l-Mater Admirabilis Training College).
Illum, il-formazzjoni għas-saċerdozju għadha bbażata fis-Seminarju tal-Arċisqof, bil-kollaborazzjoni m’istituzzjonijiet oħra bħall-Fakultà tat-Teoloġija, bil-għan li l-qassisin t’għada jkunu preparati tajjeb biex jaqdu l-ministeru tagħhom f’dinja li dejjem qiegħda tinbidel.
Lista tar-Retturi fis-Seminarju tal-Arċisqof
1. M.R.D. John Chrysostom Crispo (1703-1717)
2. M.R.D. Silvio Pace (1717-1721)
3. M.R.D. John Paul Pace (1721-1722)
4. M.R.D. Emilio Enea Melani (1722-1725)
5. M.R.D. Francis Wizzino (1725-1726)
6. M.R.D. Joseph Lazzaro (1726-?)
7. M.R.D. Alessander Cassar
8. M.R.D. Louis Gauci
9. M.R.D. James Bertis (1747-1751)
10. Rev. Kan. D. Joseph Genesius Aquilina (1751-1761)
11. M.R. Padre Maestro Jerome Alboranti (1761-1776)
12. M.R.D. Gajetan Vella (1776)
13. Rev. Kan. D. Michael Angel Dimech (1776-1777)
14. Rev. Peter Decelis (1777-1796)
15. Rev. Kan. D. Joseph Rizzo (1796-1801)
16. Rev. Kan. Laurence Saliba (1801-1810)
17. Rev. Kan. Saviour Corso (1810-1813)
18. Rev. John Busuttil (1813-1819)
19. Rev. Kan. Dominic Bezzina (1819-1829)
20. Rev. Arċipriet D. John Baptist Delia (1829-1833)
21. Rev. Kan. Treasurer D. Charles Bonnici (1833-1835)
22. Rev. Arċipriet D. Joseph Galea (1835-1836)
23. M.R.D. Gajetan Vassallo (1836-1846)
24. M.R.D. Jerome Chetcuti (1846-1859)
25. M.R.D. Joseph Callus (1859-1875)
26. Rev. Francis Xavier Vassallo (1875-1887)
27. Rev. Saviour Grech (1889)
28. Rev. Michael Ciappara (1890-1897)
29. Rev. Paul Galea (1897-1905)
30. Rev. Emmanuel Vassallo (1905)
31. Rev. Carmel Grima (1905-1907)
32. Rev. Saviour Chircop (1908-1910)
33. Rev. Kan. Anthony Vella (1910-1915)
34. Rev. Vincent Bugeja (Rettur Supplimentarju) (1915-1918)
35. Rev. John Eliseo Del Ricco (1915-1917)
36. Rev. Vincent Schembri (1917-1918)
37. Kan. Dean Joseph De Piro Navarra (1918-1920)
38. Mons. Joseph Apap Bologna (1920-1928)
39. Rev. Joseph Darmanin (1928-1931)
40. Rev. Henry Bonnici (1931-1937)
41. Rev. John Mifsud (1937-1951)
42. Mons. A.V. Pantalleresco (1951-1963)
43. Mons. Victor Grech (1963-1976)
44. Mons. Lawrence Gatt (1977-1987)
45. Rev. Norrie Bonavia (1987-1995)
46. Rev. Kan. Joseph Mifsud Bonnici (1995-2001)
47. Rev. Kan. Anthony Gouder (2001-2007)
48. Rev. Jimmy Bonnici (2007-2016)
49. Rev. Albert Buhagiar (2016-2021)
50. Rev. Jimmy Bonnici (2021-)
Sors:
Bonnici, Francis. For Service Alone: The Institution of the Seminary of Malta and its Development as recorded in the pastoral visits of the Maltese Diocese 1703-2003. Malta: The Archbishop’s Seminary, 2001.