Għadni niftakar il-mument tant emozzjonanti meta bdejt il-mixja tiegħi fis-Seminarju ftit tas-snin ilu u issa ġa wasalt fl-aħħar sena tiegħi ta’ formazzjoni fis-Seminarju u ser nibda fażi ġdida f’ħajti. Fi ftit ġranet oħra, jien flimkien ma’ erbgħa oħra minn sħabi ser niġu ordnati djakni. Huwa mument importanti ħafna f’ħajti għax b’dan il-pass ser ningħata b’mod iktar sħiħ lil Alla u lill-Knisja.

Id-djaknu fil-Knisja tal-bidu kien l-id il-leminija tal-isqof fil-ħidma tiegħu fost il-foqra. Illum id-djaknu (li jfisser ‘qaddej’) hu dak li jaqdi fil-quddiesa kif ukoll fil-ħidma pastorali tal-parroċċa. Huwa dak li jaqdi fil-quddiesa, jaqra l-Evanġelju u jippriedtka. Fil-ħidma pastorali parrokkjali, id-djaknu l-aktar li jgħin huwa fil-qasam tad-djakonija fejn jgħin lil dawk l-aktar fil-bżonn. Fuq kollox id-djaknu huwa dak li jrid jixbaħ iktar u iktar lil Kristu qaddej li ta ħajtu għalina.

Matul is-sajf li għadda bdejt il-ħidma tiegħi f’din il-parroċċa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, f’Birkirkara u ser inkompli bħala djaknu wkoll matul is-sena li ġejja li twassalni għall-ordinazzjoni saċerdotali f’Ġunju li ġej. Hija parroċċa li laqgħetni b’ idejha miftuħa u grat ħafna lil Alla għall-esperjenza mill-isbaħ li qed joffrili fost in-nies tal-parroċċa.

ritratt mat tfal

Nixtieq nistedinkom taqsmu dan il-ferħ magħna nhar il-Ħadd 9 ta’ Novembru fis-6pm fil-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid fl-ordinazzjoni djakonali. Inħeġġiġkom ukoll tkompli titolbu għalina f’din il-mixja li bdejna kif ukoll biex ikollna aktar vokazzjonijiet mill-parroċċi tagħna. Ngħożżu ħafna is-sostenn spiritwali tagħkom li dejjem kellna matul din il-mixja ta’ formazzjoni fis-Seminarju.

Comments