Kienu r-rgħajja l-ewwel li waslu, sabu u raw dak li kien tħabbrilhom mill-anġli: lil Marija, Ġużeppi u liċ-ċkejken Ġesù. Kienu dawn in-nies sempliċi u fqar, li iżda kienu lesti li jilqgħu dak li bagħat jgħidilhom il-Mulej permezz tal-anġli u mill-ewwel telqu sabiex jaraw lil dak li kien ġie mħabbar lilhom, kienu bnedmin disponibli li jisimgħu u jitilqu mill-ewwel u ma ħallew xejn ifixkilhom jew iżommhom milli jaqbdu t-triq lejn l-għar. Jaslu hemmek u jsibu familja, famija ċkejkna u fqira. Familja li fl-imħabba tal-omm u l-missier lejn binhom Ġesù, Alla jagħżel li juri lil dawn ir-rgħajja dak li Hu: Imħabba. Alla li juri din l-imħabba tiegħu ta’ ġenitur f’din ix-xena tal-ewwel presepju. Dawn ir-rgħajja li jaraw dan kollu u li huma xhieda wkoll ta’ din il-ħajja ġdida li hemm quddiemhom. Dan it-twelid, li bħal kull twelid ieħor iħalli lill-bniedem jiggosta u jammira dik il-ħajja li hemm quddiemu, din il-ħajja ġdida li għadha misteru, mimlija possibilitajiet u ħajja li qatt ma kienet qabel u li issa hija preżenti fid-dinja. Allura, bħal kul twelid ieħor min jara din it-tarbija jistaqsi dwar il-futur tagħhha: x’ser tkun, s’ser tilħaq? Dawn il-mistoqsijiet li saqsewhom ukoll ir-rgħajja quddiem din il-ħajja ġdida ġewwa l-għar ta’ Betleħem. Din it-tarbija ġdida, ħajja ġdida li twieldet sabiex permezz tagħha titwieled ħajja ġdida fuq l-art, li iżda għalissa kienet għadha tinsab rieqda fil-maxtura fil-faqar u fil-ksieħ.
Din l-esperjenza tant sabiħa li għaddew minnha r-rgħajja li tant timmarkahom u li tant kienet qawwija li timlijhom bil-ferħ u bil-ħeġġa. Dan il-ferħ u din il-ħeġġa li twassalhom, bħal ma jagħmel kull wieħed u waħda minnha li jgħaddi minn esperjenza qawwija, ixandru dak li raw u esperjenzaw. Dan ir-rgħajja li jibdew ixxerrdu, il-ferħ u l-paċi li twieldet ma’ din it-tarbija, din l-aħbar tajba ta’ salvazzjoni li twieldet fil-faqar u fis-sempliċità u li jagħżlu li jaqsmu dan il-ferħ tagħhom ma’ ħafna oħrajn. Dawn ir-rgħajja għarfu ukoll jirringrazzjaw u jfaħħru lil Alla ta’ dak li kienu għadhom kif raw, ta’ dak li tant kienu jistennew bil-ħerqa.
Fil-grotta, naraw ukoll lil Marija li tagħtina eżempju kbir għaliex hija tgħożż u żżomm f’qalbha dak kollu li tara qed jiġri madwarha f’dan l-ambjent sempliċi. Marija li tgħożż f’qalbha dan kollu għaliex ma tifhimx kollox mill-ewwel, imma b’fidi f’Alla taf li dan kollu ser ikun qed jiċċara fiż-żmien.
Dawn ir-rgħajja li jistednuna naraw dak li f’ħajjitna qed ikun ta’ xkiel jew dak li qed nintrabtu miegħu tant li jispiċċa jżommna milli nkunu nistgħu nisimgħu b’mod ċar u nimxu lejn dak li l-Mulej qed isejħilna għalih: forsi xi ideat żbaljati dwar Alla jew l-imħabba tiegħu; forsi nibża’ li nħalli lil Alla jkollu l-kontrol tal-ħajja tiegħi. Jgħallmuna wkoll li meta Alla jkun ġeneruż miegħi, tajjeb li nieqaf u nirringrazzjah tal-mod ta’ kif ikun ħadem miegħi. Bħal Marija, mhux dejjem nifmhu kollox u bħala bnedmin jiġu mumenti fejn jiġuna dubju u jkollna weġgħat, pero fuq l-eżempju ta’ Marija ejja nżommu moħħna, qalbna u ruħna miftuħa sabiex dak kollu li ngħaddu minnu nżommuh quddiem għajnejna u naraw il-mod ta’ kif Alla jkun qed jaħdem f’ħajjitna pass pass u mal-mogħdija taż-żmien.