Jekk ikollna nagħmlu vox pop ta’ malajr fit-toroq jew il-pjazez Maltin dwar il-mistoqsija: “il-qassis min hu?” jista’ jkun hemm min isemmi xi karattru li jidher fid-drama Maltija… karattru kemmxejn komiku jdur bir-rota, jiekol minn familja għal oħra. Jew inkella xi karattru ta’ saċerdot kemmxejn żagħżugħ li jqanqal kurżità fost in-nies, lest li jifhem u jagħti parrir. Jew inkella qassis anzjan ta’ fama qaddisa. Jista jkun hemm min jgħidlek, “il-qassis mhux dak li jkun l-knisja u jagħmel l-quddiesa?” Jista’ jkun illum aktar minn qatt qabel il-qassis jidher bħala preżenza kemxejn siekta fis-soċjetà tal-lum. Imma fil-verità, il-qassis min hu u x’inhi l-identità tiegħu?
Il-qassis tal-lum jagħmilha ta’ profeta billi jagħraf is-sinjali li permezz tagħhom Alla jkompli jikkomunika magħna u jitlobna tweġiba. Għalhekk il-qassis irid ikun jaf sew għall-inqas żewg lingwi: dik t’Alla u dik tal-bniedem li lilu jrid jaqdi. Dan jitlob minnu li jkollu kapaċità li jikkomunika mal-bniedem il-messaġġ tiegħu bl-lingwaġġ tal-lum. Dan jitlob għarfien tajjeb tal-kultura u tal-mentalità ta’ żmienna. Għalhekk is-saċerdot m’għandux u ma jistax joqgħod lura milli jagħmel użu mill-avvanzi teknoloġiċi fil-qadi tal-missjoni tiegħu. Però wieħed irid joqgħod attent li ma jbiddilx il-medium mal-messaġġ. Il-messaġġ irid jibqa’ dejjem ġenwin u koerenti. Dan id-djalogu mad-dinja jitlob li s-saċerdot ikun miftuħ għall-kultura ta żmienu billi jieħu l-atteġġjament profetiku. Il-qaddis Ġwanni Pawlu II fil-Pastores dabo Vobis jiddeskrivi lis-saċerdot bħala xhieda vera tal-Evanġelju, li dejjem aktar qed issir urġenti bħala “ix-xbieha ħajja u trasparenti ta’ Kristu saċerdot”.
Is-saċerdot huwa dak li jakkumpanja lill-persuni waslu fejn waslu f’ħajjithom. Il-pastorali tal-lum, kulma jmur dejjem qed turi l-ħtiega li jissaħħu r-relazzjonjiet mal-persuna kemm jista’ jkun fuq livell personali. Is-saċerdot għandu jkun preżenti mhux biss fiżikament imma li jkun kapaċi jaqsam il-ħajja magħhom. Għalhekk is-saċerdot irid jifforma mentalità li tissejjaħ person-oriented aktar milli task-oriented. Ngħiduha kif inhi, hija l-ideali però fir-realtà mhux dejjem ikun faċli li jagħmilha peress li jimtela bix-xogħol. Però wieħed irid joqgħod attent għax jista’ jkun li jinqabad fir-ritmu tax-xogħol u jsib ruħu fin-nuqqas ta’ ħeġġa li din tidher fil-għejja, fid-diżappunt, fl-akkomodament, fin-nuqqas t’interess, u fuq kollox fin-nuqqas ta’ ferħ u ta’ tama.
Il-Papa Ġwanni Pawlu II meta jitkellem dwar is-saċerdot fit-tielet millennju jgħid lis-sacerdoti għandhom jkunu “ħabbara tal-Evanġelju, esperti fl-umanità, li jafu sewwa l-qalb tal-bniedem tal-lum, jaqsmu miegħu l-ferħ u t-tamiet tiegħu, il-biki u n-niket tiegħu, waqt li jkunu kontemplattivi tal-imħabba ta’ Alla”. Metodu li qed jgħin ħafna lis-saċerdoti Maltin huma ż-żjarat li jagħmlu fid-djar (home visits) fejn is-saċerdot qagħad ftit bilqiegħda u ltaqa’ mal-membri kollha tal-familja u sema’ l-bżonnijiet tagħhom. F’dawn iż-żjarat is-saċerdot jiltaqa’ ma’ diversi persuni weħidhom fi djarhom u hemmhekk ikun qed iwettaq fil-prattika d-djakonija. Kemm drabi l-Papa Franġisku ħeġġeġ lis-saċerdoti: kunu rgħajja, bir-‘riħa tan-nagħaġ’, kunu fis-sewwa bħala rgħajja qalb il-merħla u sajjieda tal-bnedmin. Ngħixu f’dinja individwalista iżda li fl-istess ħin tokrob għal aktar għaqda; is-saċerdot irid ikun l-istrument ta’ din l-għaqda. Is-saċerdot jaqdi lill-komunità billi jaħdem għal għaqda u komunjoni mal-Knisja. Illum tinħass il-ħtiega li s-saċerdot u l-lajċi jaħdmu flimkien biex jinbnew bħala komunità.
Forsi wieħed jista’ jistaqsi x’inhu s-sigriet ta’ kollox li tħalli lis-saċerdot għaddej fil-ħidma tiegħu. Is-sigriet ta’ kollox huwa t-talb personali li jagħtih dik l-għajnuna u dak il-kuraġġ li hu jeħtieġ mill-fehma tiegħu tal-ministeru. Bit-talb personali tiegħu jikseb kuljum il-ħeġġa għall-evanġelizzazzjoni. Hemm relazzjoni essenzjali bejn it-talb personali u l-predikazzjoni. Mill-meditazzjoni fuq il-Kelma t’Alla waqt it-talb personali tas-saċerdot, toħroġ ix-xhieda ewlenija ta’ ħajja li tagħraf il-qawwa tal-imħabba t’Alla u tagħmel konvinċenti kliemu. Infatti l-Papa Franġisku fl-omelija ta’ Ħamis ix-Xirka 2014 jistqarr: “is-saċerdot li jippretendi li jista’ jsib l-identità saċerdotali tiegħu billi jfittixha ġo fih innifsu forsi mhu ħa jsib xejn ħlief sinjali li jindikaw “ħruġ”: oħroġ minnek innifsek, oħroġ fittex lil Alla fl-adorazzjoni, oħroġ u agħti lill-poplu tiegħek dak li ġejt fdat bih, u l-poplu tiegħek jieħu ħsieb jgħinek tħoss u tiggosta dak li int, x’jismek, liema hi l-identità tiegħek, u jferrħek bil-mija bil-wieħed li l-Mulej wiegħed lill-qaddejja tiegħu”.