‘Ifraħ, mimlija bil-grazzja!’ (Lq 1:26-38)

Il-festa tat- Tnissil bla tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija hija waħda mill-ewwel festi kbar tas-sena liturġika. Il-Knisja tippreżentalna lil Marija fil-bidu tas-sena bħala mudell li għandha tmexxina fl-istennija tagħna ta’Ġesù. Aħna mistiedna biex inħarsu lejha u nimxu fuq kif imxiet hi. L-iva ta’ Marija komplietha ħajjitha kollha: saret omm Ġesù fit-tħabbira tal-anġlu, iżda Ġesù stess tahielna b’ommna fuq is-salib.

F’din is-silta, il-kelma t’Alla ssir storja waħda mal-kelma tal-bniedem, is-sema u l-art jitwaħħdu flimkien, u l-ħolqien kollu jipparteċipa. Hawn il-bidu tat-trasformazzjoni f’dak li Alla jrid, f’ħajjitna wkoll. Bl-“iva” tagħha Marija tiżvojtja minnha nfisha u timtela b’Alla, u taċċetta s-salib. Bħal Marija aħna wkoll imsejħin biex nintelqu f’idejn Alla.

Marija hija mibdula mill-grazzja t’Alla, imma aħna kemm nilqgħu l-grazzji li l-Mulej jagħtina? Marija kienet ferħana; ma jfissirx li ma bkietx u ma soffrietx, u ma beżgħatx u ma tħawditx, imma bil-ferħ tagħha ferrħet lil ta’ madwarha. ‘Ifraħ, mimlija bil-grazzja!’ Bħal Marija nitħawdu aħna wkoll. Aħna wkoll nibżgħu. Marija tħawdet imma emmnet, ittamat, u wriet kuraġġ. Marija tgħallimna b’mod ċar kif il-biża’ t’Alla mhuwiex twerwir imma don tal-Ispirtu s-Santu.

Kieku hi għalqet qalbha, Alla ma daħalx fl-istorja tagħha. Alla jibdilna skont kemm nagħtuh spazju. Kemm nużaw dan iż-żmien tal-Avvent biex noħolqu spazju biex jidħol fih Alla? Mhux biżżejjed li nżomm lil Alla għandi; hemm bżonn ngħaddih lill-oħrajn. Marija ħabbitu lil Ġesù, għożżitu, imma għarfet tgħaddih lill-oħrajn. Jekk ma lqajtux jien, kif nista’ ngħaddih lill-oħrajn?

Il-pjan t’Alla għal ftit deher igerfex il-pjan ta’ Marija. Kemm tiġrilna! Imma nemmnu li għal Alla kollox possibbli? Marija tintelaq f’idejh. Mhux faċli nagħmlu li jrid hu, iżda l-qaddej jintrebaħ u jitmexxa mill-Kelma t’Alla. Marija semgħet, ħarset u għamlet il-kelma t’Alla. Niffukaw fuq Marija, għalhekk, biex bħalha nitolbu, nistennew, nilqgħu lil Ġesù u ngħadduh lill-oħrajn.

____

L-Evanġelju fis-solennità tat-Tnissil bla tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija (Lq 1:26-38)

F’dak iż-żmien: L-anġlu Gabrijel kien mibgħut minn Alla f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand xebba mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi, mid-dar ta’ David; u x-xebba kien jisimha Marija. Daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek”. Għal dan il-kliem tħawdet, u bdiet titħasseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet tfisser dik it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sa tnissel fi ħdanek u jkollox iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin il-Għoli, u l-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru; u jsaltan fuq dar Ġakobb għal dejjem, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem”.

Iżda, Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?” Weġibha l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek; u għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis u jkun jissejjaħ Bin Alla. U ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, hija wkoll nisslet iben fi ħdanha, u dan huwa s-sitt xahar għaliha li kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal; għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”.

Imbagħad qalet Marija: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek!” U l-anġlu telaq minn ħdejha.