Is-sena tad-Djakonat tiegħi għextha l-iktar fil-parroċċa ta’ Santa Luċija. Żammejt kuntatt ukoll mal-parroċċa tiegħi ta’ Ħal Safi. Niddeskrivi d-Djakonat bħala sensiela ta’ esperjenzi sagri.

Mumenti intimi u sagri għall-aħħar kienu ż-żjajjar fil-familji (it-tberik) li bdejna f’Ottubru. Kemm Insara prattikanti kif ukoll dawk ‘bierda’ laqgħuna b’ħafna ħlewwa fi djarhom. Kieku jkollok il-ħin tibqa’ tisma’ l-ferħat u l-weġgħat sa tard bil-lejl!

Mumenti intimi oħra kienu l-omeliji. Timmedita u tirrifletti biex finalment tislet dak il-ħsieb li toffri lill-kongregazzjonijiet biex jiħduh magħhom u jixtarruh id-dar u fuq il-postijiet tax-xogħol.

Fis-sagristiji tgħid kelma u tibni ħafna relazzjonijiet mal-voluntiera… taqsam l-esperjenzi ta’ kuljum, tgħid kelma għall-ġid u tirċievi ħafna inkoraġġiment. Bħala djaknu mbagħad għammidt, assistejt żwiġijiet u funerali, u wassalt lil Ġesù Ewkaristija biex iwennes lill-moribondi.  Kienet sena  impenjattiva fil-QADI, fix-xandir tal-Bxara t-Tajba. Kienet sena fejn għext diversi mumenti sagri bi preparazzjoni, jekk Alla jrid, għall-Presbiterat.

Comments