Sbuħija mgħixa

Grazzja kbira mis-sena barra kienu l-Eżerċizzi Spiritwali fil-ħajja ta’ kuljum. Minflok f’xahar wieħed f’post miġbur kelli aktar iċ-ċans napprezza l-importanza tat-talb f’rutini differenti, bil-mod, tul numru ta’ xhur fil-ħajja ta’ kuljum. Fil-fatt bdejt dan l-irtir matul esperjenza ta’ xogħol ma’ kumpanija legali fil-Belt Valletta, komplejtu waqt esperjenza pastorali ma’ kappillan Malti f’parroċċa fi Vjenna, u spiċċajtu waqt esperjenza komunitarja ma’ grupp ta’ żgħażagħ ispirati mill-ispiritwalità Injazjana f’Ruma. Bl-eżerċizzji ta’ talb u bil-għajnuna tad-direttur spiritwali, tal-mentor u ta’ dawk li għext jew ġejt f’kuntatt magħhom tul dawn ix-xhur, tgħallimt napprezza aktar li l-isbuħija mhijiex hemm biex tiġi ammirata u maħkuma, imma hi għażla li teħtieġ tingħex bi gratitudni, bis-sabar u bil-ferħ; għażla li “[J]enħtieġ jikber hu u niċkien jiena” (Ġw 3:30).