“Omm tal-għaġeb!”

L-inkwadru tal-Mater Admirabilis li jinsab ġewwa l-Kappella l-kbira tas-Seminarju huwa kopja ta’ affresk li jinsab ġewwa Trinità dei Monti, f’Ruma. L-oriġinal ġie mpitter fl-1844 minn postulanta tas-Soċjetà bl-isem ta’ Pauline Perdrau. Din ix-xbieha turi lil Marija żgħira fl-età tikkontempla bid-dussies f’idejha. Perdrau xtaqet turi l-paċi u s-safa ta’ Marija iżda hekk kif lestiet dan l-afresk dan ma ġiex kif mixtieq għaliex il-kuluri ġew jagħjtu ħafna. Is-superjura ta’ Perdrau talbet li dan l-affresk għandu jitneħħa iżda wieħed dilettant tal-arti ssuġġerixxa li dan l-affresk għandu jiġi mgħotti sakemm jiċċaraw ftit il-kuluri. Ġara li fl-1846, il-Papa Piju IX żar il-post tas-Soċjetà ġewwa Trinità dei Monti u hekk kif ra din x-xbieha, dan stagħġeb bi sbuħitha u sejħilha “Mater Admirabilis!”, jiġifieri “Omm tal-għaġeb!”, u minn dak iż-żmien sal-lum din ix-xbieha devota ta’ Marija baqgħet tissejjaħ b’dan l-isem.

Il-binja tas-Seminarju tal-Arċisqof ġewwa Tal-Virtù, ir-Rabat, mhux dejjem kienet tintuża bħala seminarju. Kien biss fl-1977 li dan il-post sar Seminarju. Qabel, din il-binja kienet tintuża bħala Training College għall-għalliema bl-isem ta’ Mater Admirabilis Training College. Is-sorijiet tas-Soċjetà tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù kienu jmexxu dan il-kulleġġ u magħhom ġabu din id-devozzjoni sabiħa lejn Marija Mater Admirabilis. Il-Kappella tal-kunvent tas-Sorijiet kienet ddedikata lil Marija taħt dan it-titlu. Ir-rabta ta’ Marija ma’ qalb dawk imsejħa għas-saċerdozju minn dejjem kienet qawwija u hekk kif dan il-post sar Seminarju, s-seminaristi baqgħu jfakkru il-festa tal-Mater kif għadu jsir sal-lum!

Għalhekk f’dan il-jum għażiż, nitolbukom biex bit-talb tagħkom tressqu lilna u lis-Sorijiet tas-Soċjetà tal-Qalb Mqaddsa ta’ Ġesù taħt il-mant matern ta’ Marija Omm tal-għaġeb.

Marija Omm tal-għaġeb, itlob għalina.