Ġej fid-dlam

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew (Mt 25, 1-13)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Is-Saltna tas-Smewwiet ixebbhuha ma’ għaxar xebbiet li ħarġu bl-imsiebaħ tagħhom biex jilqgħu l-għarus. Ħamsa minnhom kienu boloh u ħamsa għaqlin, il-boloh ħadu l-imsiebaħ imma ma ħadux żejt magħhom, waqt li l-għaqlin ħadu mhux biss l-imsiebaħ iżda wkoll iż-żejt fil-kwies. L-għarus iddawwar ma ġie, u għalhekk ilkoll ħadhom in-ngħas u raqdu.
Imbagħad f’nofs ta’ lejl instama’ min jgħajjat: “Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!”. Dawk ix-xebbiet qamu lkoll u ħejjew l-imsiebaħ tagħhom. Iżda l-boloh qalu lill-għaqlin: “Agħtuna ftit żejt minn tagħkom, għax l-imsiebaħ tagħna jintfew”. Qabżu l-għaqlin u qalu: “Għandu mnejn ma jibqax biżżejjed, la għalina u lanqas għalikom! L-aħjar morru għand tal-ħanut u ixtru għalikom”. Xħin dawk marru biex jixtru jiġi l-għarus; dawk li kienu lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ, u l-bieb ingħalaq. Saflaħħar waslu wkoll ix-xebbiet l-oħra, u bdew jgħidu: “Sinjur, Sinjur, iftħilna!”. Iżda hu weġibhom u qal: “Tassew, ngħidilkom, lilkom ma nafkomx”.
Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa”.

Il-Kelma tal-Mulej

Il-kuntest

L-isfond ta’ din il-parabbola hu it-tradizzjoni Ludija tal-wasla tal-għarus mid-dar tal-għarusa. L-Evanġelista qed jirreferi għal dak ir-rit li kienu jagħmlu l-Lhud meta l-għarus kien  jieħu l-għarusa mid-dar ta’ missiera u jdaħħalha f’daru. Kienet drawwa li f’dan il-mument numru ta’ xebbiet kienu jilqgħu lill-għarus u lil għarusa. 

Spjegazzjoni u tqabbil tat-test ma’ testi oħrajn fl-Iskrittura

Naqraw li ħamsa mix-xebbiet kienu boloh. Dawn jissejħu boloh għaliex peress li l-għarus iddawwar ma’ ġie dawn setgħu jħaddmu moħħom biex jużaw dan il-ħin mtawwal biex imorru jġibu aktar żejt la ndunaw li għandhom bin-nieqes. Iżda dawn m’għamlu xejn minn dan u tilfu din l-opportunità. Naqraw ukoll li “l-għarus iddawwar ma’ ġie” . Fid-dar tal-għarusa l-għarus kien jagħmel in-negozzjati ma’ missier l-għarusa. Tradizzjonalment dawn in-negozji jkunu fuq il-flus jew il-propjetà. Il-verb li jigħdilna li l-għarus dam ma’ ġie bil-grieg huwa chroniza li hu l-istess wieħed li juża Mattew f’24:48 fil-parabbola tal-qaddej fidil u tal-qaddej ħażin. F’din il-parabbola naraw lil qaddej ħażin li jaħseb li sidu ser jiddawwar ma’ jiġi għalhekk jgħix ħajja ta’ sfrattu.

Naqraw wkoll li meta ndunaw li sar il-ħin biex jiġi l-għarus l-għaqlin imlew l-imsiebaħ tagħhom biż-żejt. Hawnhekk l-għaqlin narawhom f’dillemma dwar għandhomx jaqsmu minn dak li kien għandu mal-boloh. Iżda dawn issuġġerew lil boloh biex immorru issibu xi ħanut (forsi xi wieħed maġenb xi dar li jkun jista’ jaqdihom f’dawk il-ħinijiet).

Il-plural ta’ gamos (żwieġ) jintuża biex jiddeskrivi ċ-ċelebrazzjoniji tat-tieġ (gamoi). F’Mattew naqraw wkoll dik il-parabbola fejn dawk li ma keinux lebsin xieraq għall-festa tat-tieġ ma tħallewx jidħlu. 

Il-kliem “Sinjur, Sinjur iftħilna” nsibuhom wkoll f’Mattew 7:21-22 fejn nisimgħu lil Ġesù jgħid li ““Mhux kull min jgħidli, ‘Mulej, Mulej’, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet!”

“Tassew ngħidilkom, lilkom ma nafkomx” Dan il-kliem hu ekwivalenti għal: “Jien m’għandix x’naqsam magħkom!” Pietru juża din l-istess formula f’Mattew 26:74 b’referenza għal Ġes meta fil-palazz tal-Qassis il-Kbir jgħid li ma jafux. Hawn naraw lit-tfajliet l-boloh irrifjutati kemm mill-għaqlin kif wkoll mill-għarus. 

Ir-riflessjoni

Aħna l-Insara qegħidin nistennew lil Ġesù jerġa jiġi; hekk intennew fil-Kredu kull nhar ta’ Ħadd. Ġesù ġej biex jdaħħalna fil-festa tat-tieġ. Għalhekk tajjeb nirriflettu: jekk aħna tlifna din il-ħeġġa tal-istennijja, għaliex aħna Nsara? 

Aħna Nsara biex lil Ġesù ngawduh għal dejjem fl-eternita. Lil Ġesù nistennewh ukoll biex jakkumpanjana fit-triqna lejn is-sema. 

Xi drabi jaf li ndumu nistennewh lil Ġesù. Għalkemm li ma nafux meta għandu jigi aħna għandna nkunu preparati dejjem biex nilqawħ. Ġesù mhux se jiġi biss fl-aħħar taż-żmien, iżda Ġesù jigi wkoll f’diversi mumenti tal-ħajja tiegħi. Ġesù jiġi jżurna fil-Kelma tiegħu, fl-Ewkaristija, fil-qalb tagħna, fil-Familji u l-komunitajiet tagħna kif wkoll fil-fqair u fil-batut.

Aħna kif qed nistennewh lil Ġesù? Aħna b’ liema ħeġġa qed nistennewh lil Ġesù? Lil Ġesù bl-liema ħeġġa qed infittex li nirċevieh fl-Ewkaristija, fil-Kelma jew permezz ta’ ħaddieħor.

Xi drabi iva, Ġesù jaf jiddawwar ma jigi. Għalkemm Hu jinsab dejjem magħna u ma jitlaqna qatt xi drabi nitlob u ma nħoss xejn. Xi drabi nitlob u ma jiġri xejn. Imma kuraġġ l-Mulej gej! Jista’ jkun lii l-Mulej jippermetti dan kollu biex il-ħerqa tiegħi għalieH tikber dejjem iżjed.

Fil-parabbola naqraw li l-Mulej ittawal sew ma ġie u ix-xebbiet qabadhom in-nas u l-għejja. Anke aħna fil-ħajja tagħna naddu minn diversi iljieli ta’ għejja u forsi ta’ qtiegħ il-qalb bħal meta jkolna xi inċertezza fil-vokazzjoni tagħna jew inkella ma nifmux lil xulxin fil-komunita jew meta fil-familji tagħna jkun hemm xi nkwiet, forsi xi ħadd mit-tfal għandu xi problemi, xi ġlied. Dak il-lejl ta’ meta l-miżżewġin iħossu n-nixfa tal-ħeġġa u ma jistgħux jaqblu jew meta jien ikolli ngħid ma’sħabi, dawn huma iljieli diffiċli.

Irridu nistennew lil Ġesù jiġi. Jiġi l-Mulej f’dan il-lejl. Minkejja li forsi jdum ma’ jiġi. Se jiġi żgur, ma naqtawx qalbna.

Ir-riflessjoni msarrfa f’azzjoni

Kif nista’ ngħix din il-Kelma?

F’din il-parabbola kif kulħadd kien rieqed bl-għejja u n-nas naqraw li  “Imbagħad f’nofs ta’ lejl instama’ min jgħajjat, ‘Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!’”

Kemm hi xi ħaġa sabiħa li meta nkunu tul xi lejl diffliċli nisimgħu dik il-vuċi sabiħa u qawwija tal-Mulej li tqajjimna u terfana. Din il-vuċi tista’ tkun jew tail-konfessur, jew tad-direttur spiritwali jew ta’ xi ħadd mill-familjari tagħna. Dan il-leħen hu li jiftħilna għajnejna – Il-vuċi li tfakkarna li l-Mulej ġej u li hu fil-qrib.

L-aħħar żewġ punti:

  1. Ejjew ma’ noqtlux lil dan il-leħen! Ejjew ma noqtlux lill-profeti li l-Mulej jibgħatilna fil-ħajja tagħna.
  2. Nista’ nkun jien l-vuċi tal-Mulej li jibgħatni biex nigħn lil xi ħadd li qiegħed f’ xi lejl mudlam u nħabbarlu li l-Mulej wasal. Jista jkun li l-Mulej qed isejjaħli biex inkun il-vuċi tiegħu. Ejjew nieħdu d-deċizjoni li nwasslu l-vuċi tal-Mulej, l-Kelma tal-Mulej li nisimgħu kull nhar ta’ Ħadd. Kemm inkunu għaqlin jgħidilna dan l-Evanġelju li kieku niżiraw żerriegħa ta’ tama fil-ħajja ta’ xi ħadd.

Il-verġni kellhom iż-żejt zejjed li ma setgħux jasmuh mal-oħrajn. Dan jurina li irrid nkun jien li nirsisti għas-saltna tas-sema u mhux nserraħ fuq ħaddieħor. Iz-zejt huwa l-Ispirtu s-Santu li jagħmmar ġewwa fina u huwa bil-qawwa ta’ dan iż-żejt li aħna se nidħlu fis-Saltna ta’ Alla. Aħna nidħlu  fis-Saltna ta’ Alla bil-qawwa tal-Ispirt s-Santu. Għalhekk ejjew nieħdu azzjoni u nħallu l-Ispirtu jaħdem fina biex l-kwies tagħna jkunu mimlija żejt. 

Talba tal-Għeluq

Ifraħ o Verġni Marija għax int sibt grazzja quddiem Alla, int li emmint għal kelmiet tal-Arkanġlu Gabrijel, fil-ħin li bqajt xebba nissilt Alla u bniedem, u wara li tajtu lid-dinja bqajt xebba’ bla mittiefsa. Omm Alla idħol għalina.

Din il-ġimgħa saret Lectio Divina għall-komunità minn Fr Jesmond Manicaro. Din ir-riflessjoni hija mibnija fuq dak li ntqal u ġiet adattata f’artiklu minn seminarista.