B’qalb ta’ Missier

Fl-Ittra Appostolika Patris Corde, il-Papa Franġisku jippreżentalna lil San Ġużepp minn perspettivi differenti, bl-għan li nikbru fl-imħabba tagħna lejn dan il-qaddis, li nitolbu iżjed l-interċessjoni tiegħu u li fuq kollox nimitaw il-virtujiet u ż-żelu tiegħu.

Nafu li San Ġużepp kien mastrudaxxa, mgħarras ma’ Marija. Kien raġel ġust, dejjem lest biex iwettaq ir-rieda ta’ Alla li dehret fil-Liġi tiegħu. Wara vjaġġ twil minn Nażaret għal Betlehem, ra it-twelid tal-Messija f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda (Lq 2:7). Kien xhud tal-adorazzjoni tar-rgħajja u tal-Maġi, li kienu jirrapreżentaw il-poplu ta’ Iżrael u l-popli Pagani rispettivament.

Il-Papa Franġisku jkomplu jgħid li San Ġużepp kien bniedem ta’ kuraġġ billi ħa fuqu l-paternità legali ta’ Ġesù, li lilu tah l-isem li tarraflu l-Anġlu, “Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom” (Mt 1:21).

Fit-Tempju, erbgħin jum wara t-twelid ta’ Ġesù, Ġużeppi u Marija offrew lil binhom lil Alla u sema’ l-profezija ta’ Xmun li tikkonċerna lil Ġesù u lil ommu Marija. Biex iħares lil Ġesù minn Erodi, Ġużeppi mar l-Eġittu. Wara li rritorna lura f’art twelidu, għex ħajja fil-moħbi, fil-villaġġ ta’ Nażaret fil-Galilija, mnejn kien intqal, li “Ebda profeta ma jqum” (Ġw 7:52), u wkoll “Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nażaret?” (Ġw 1:46).

Il-Papa jgħid, li “kulħadd jista’ jsib f’San Ġużepp, il-bniedem li jgħaddi mingħajr ħadd ma jagħti kasu, il-bniedem tal-preżenza fil-ħajja ta’ kuljum, diskreta u moħbija, interċessur, għajnuna u gwida fil-waqtiet iebsin.”