2 Ħadd Matul is-Sena (Ġw1, 35-42)
Din ir-riflessjoni għandha issir fi spirtu ta’ talb biex tkun ta’ għajnuna għalik fil-mixja tiegħek wara Ġesù. Fl-Evanġelju naraw lil Ġwanni juri lil Ġesù lid-dixxipli tiegħu. Dawk jimxu wara Ġesù u jistaqsuh “Fejn toqgħod, Rabbi?” u hu jweġibhom: “Ejjew u taraw.” Huma jmorru warajh. U int? X’se tagħmel? Sejjer?
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
35L-għada Ġwanni raġa’ kien hemm ma’ tnejn mid-dixxipli tiegħu. 36Ħares lejn Ġesù li kien għaddej minn hemm, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla.” 37Iż-żewġ dixxipli semgħuh jgħid dan, u marru wara Ġesù. 38Ġesù dar u rahom mexjin warajh, u qalilhom: “Xi tridu?” Iżda huma staqsewh: “Fejn toqgħod, Rabbi?” – li tfisser Mgħallem. 39Hu weġibhom: “Ejjew u taraw.” U marru miegħu u raw fejn kien joqgħod, u dak in-nhar baqgħu miegħu. Kien ħabta tal-għaxar siegħa. 40Wieħed mit-tnejn li semgħu x’kien qal Ġwanni u marru wara Ġesù kien Indrì, ħu Xmun Pietru. 41L-ewwel ma għamel mar isib lil ħuh Xmun, u qallu: “Sibna l-Messija” – li tfisser Kristu. 42U ħadu għand Ġesù. Ġesù ħares lejh u qallu: “Inti Xmun, bin Ġwanni. Inti tissejjaħ Kefa” – jew Pietru.
Il-Kelma tal-Mulej
It-Tifħir lilek Kristu
Riflessjonijiet
F l-ewwel kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Ġwann insibu sensiela ta’ granet.
Fl-ewwel tliet ijiem jidher Ġwanni l-Battista li bil-mod il-mod jibda’ jwarrab lilu nnifsu biex jipponta subajh u juri lil Ġesù.
- Fl-ewwel ġurnata (versi 19-28) permezz ta xi qassisin u Leviti nsibu lil Ġwanni jwieġeb għal mistoqsija li l-Lhud ta’ Ġerusalemm qajmu dwaru: Int min int?. Hawn jistqarr ċar li hu mhuwiex il-Messija.
- Fit-tieni jum (versi 29-34) Ġwanni jara lil Ġesù riesaq lejh u jindirizzah bħala “il-Ħaruf t’Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja”. Hu jagħti t-testimonjanza tiegħu fuq Ġesù u jixhed li ra “l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu” fil-Magħmudija tiegħu.
- L-Evanġelju tal-lum huwa t-tielet jum (versi 35-42). Fih jissemmew għall-ewwel darba żewġ dixxipi ta’ Ġwanni, malli Ġwanni jilmaħ lil Ġesù, jurieh lid-dixxipli tiegħu: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla”. Hawnhekk naraw lil Indri u dixxiplu l-ieħor (li ismu ma’ jissemmiex) jinħallu minn ma’ Ġwanni u jmorru wara Ġesù. Mbagħad naraw lil Indri jgħarraf dan kollu lil ħuħ Xmun Pietru.
- L-għada fir-raba’ jum (43-51) jinħeba mix-xena Ġwanni l-Battista u naraw lil Ġesù li jibda’ jsejjaħ hu personali b’inizjattiva tiegħu lill-ewwel dixxipli tiegħu, u jibda’ bil-mod il-mod juri lilu nnifsu. Isejjaħ lil Filippu, li mbagħad isejjaħ lil Nathanael fejn jiżviluppa djalogu sabiħ bejn Nathanael u Ġesù.
Interessanti li l-bidu ta’ kapitlu 2 li jibda’ mit-tieġ f’Kana ta’ Galilea jerġa’ jissemma it-tielet jum, prattikament fit-tifsira tiegħu, it-tielet jum huwa l-jum li fih tidher il-glorja ta’ Alla. Xi ħaġa li tidher ukoll fit-Testment il-Qadim (Eżodu 19, 10-11): Il-Mulej qal lil Mosè: “Mur ħdejn il-poplu u kkonsagrahom illum u għada; jaħslu ħwejjiġhom 11u jħejju ruħhom għat-tielet jum, għax fit-tielet jum il-Mulej jinżel fuq il-muntanja tas-Sinaj quddiem għajnejn il-poplu kollu.
Imma x’ġara eżatt fit-tielet jum, fl-Evanġelju tal-lum?
Żewġ dixxipli kienu ma’ Ġwanni l-Battista. Hawnhekk tkun l-ewwel darba li jissemmew id-dixxipli ta’ Ġwanni. Ġesù jidher miexi lil hinn minnhom. Ġwanni b’subajh jipponta lejn Ġesù u jirrepeti dak li jkun qal fit-tieni jum: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla”. Hemm supposizzjoni li tgħid li dawn iż-żewġ dixxipli ma kienux hemm fit-tieni jum meta Ġwanni esklama din il-verità.
Ġara li meta dawn iż-żewġ dixxipli jisimgħu minn fomm Ġwanni nnifsu din ix-xhieda, f’vers 35 (il-mod kif jiftaħ dan il-vanġelu), huma jirrispondu għaliha billi lilu (lil Ġwanni) ħallewh hemmhekk wieqaf waħdu biex marru wara Ġesù, isiru segwaċi tiegħu (bdew mixjin warajh) u eventwalment dixxipli tiegħu.
Ġwanni kien jaf li b’dak li kien qiegħed jgħid kien ser jitlef mill-udjenza tiegħu. Però joħroġ ċar li Ġwanni ma kienitx tagħmel bih il-popolarità’’. l-missjoni ta’ Ġwanni ma kienitx li jwaħħal lin-nies miegħu, il-missjoni tiegħu kienet li juri lil Ġesù u jwassal lin-nies lejh. Hawnhekk naraw din il-firda tad-dixxipli ta’ Ġwanni minn ma Ġwanni biex daru lejn il-persuna ta’ Ġesù. Din hija azzjoni inkoraġġanti għax nistgħu ngħidu li l-messaġġ ta’ Ġwanni kien qiegħed jasal.
- Kliemek u għemilek huwa ta’ xhieda?
Din l-idea li kienu mixjin wara Ġesù, tiġa tpoġġina fl-istampa tad-dixxipulat. Forsi l-aktar li tidher ovvja hija li dawn id-dixxipli segwewh fiżikament. Però li ssegwi lill-imgħallem tiegħek ifisser li tfassal ħajtek fuq dak li jgħallmek u jurik. Allura hemm din l-idea tal-bidla interjuri, il-bidla fil-qalb li sseħħ fid-dixxiplu frott din l-esperjenza, li tirrikjedi proċess li eventwalment jista’ ukoll isegwi b’mod fiżiku fil-ħajja mgħejxa / imġarrba mill-istess dixxiplu.
Mill-impressjoni li jagħtina dan il-passaġġ jurina li dawn id-dixxipli ma’ kienux mixjin miegħu imma kienu mixjin warajh kemxejn il-bogħod minnu. Bħal meta ma tkunx konvint mill-persuna u tibqa’ daqsxejn lura minnu, imma ssegwieh biex taqta’ l-kurżità dwar xi ħaġa li tixtieq tkun taf fuq jew dwar dik il-persuna.
Ġesù malli jintebaħ li kienu qegħdin isegwuh idur lejhom u jkellimhom hu billi jagħmlilhom mistoqsija li kienet titlob minnhom risposta: “Xi tridu?” Mistoqsija li tqanqal mistoqsijiet oħra: X’qegħdin tfittxu? Għalfejn qegħdin issegwuni? Għandkom bżonn ta’ xi ħaġa? Kienet mistoqsija li għenet biex dik id-distanza li kien hemm bejnu u bejn dawn id-dixxipli, tisfuma fix-xejn.
Imma nistgħu ngħidu li kienet mistoqsija li tirrikjedi l-onesta’ interjuri tal-persuna. Fi ftit kliem x’inhi l-motivazzjoni tagħkom? Qegħdin tfittxuni sempliċiment biex tiġġustifikaw id-dettalji tal-liġi kif jagħmlu l-iskriba u l-Fariżej? Forsi qegħdin tfittxuni minħabba l-ambizzjoni biex ikollkom pożizzjoni u poter bħas-Saduċej? Jew fuq il-livell tal-popolin qegħdin tfittxuni biex ikollkom mexxej militari li jeħlishom mill-qawwa tal-Imperatur Ruman? Jew intom verament nies ta’ ġabra li qegħdin tfittxu verament lil Alla u r-rieda tiegħu fil-ħajja tagħhkom? Jew forsi intom persuni midinba li qegħdin tfittxu dawl għal ħajjitkom u għandkom bżonn il-ħniena u l-maħfra t’Alla?
- Int għaliex miexi wara Ġesù?
Mistoqsija li tajjeb li nagħmluha llum ukoll lilna nfusna.
Niftakru li fil-ħajja tal-llum, ħafna jfittxu s-sigurtà. Posizzjoni tajba fis-soċjetà biex inħossni sigur (safe), li jkolli flus biżżejjed u iżżejjed biex l-iskopijiet u l-kapriċċi tal-ħajja nilħaqhom. Forsi oħrajn qegħdin ifittxu karriera: ta’ prestiġju, li tagħtik ċertu poter, jew prominenza għax tista’ tidher, jew tinfluwenza lil oħrajn. U aħna qegħdin hawn biex ‘’insiru’’ saċerdot. X’inhija l-motivazzjoni tiegħek?
It-tweġiba li jagħtuh li hija mistoqsija oħra: “Fejn toqgħod Rabbi?” minkejja li turi li hemm turija ta’ rispett (meta jsejħulu Rabbi) però kienet waħda fjakka u diżappuntanti…’shallow’ għax kienet xi ħaġa purament umana, ta’ ftit sustanza jew sugu. Iż-żieda tat-tifsira li jagħtina r-raba’ Evanġelista għal kelma Rabbi, “li tfisser mgħallem”, turi l-limitazzjoni li biha kienu qegħdin jgħarrfu l-persuna ta’ Ġesù.
Ir-Rabbi Lhudi kien ikollu post fejn ilaqqa’ id-dixxipli tiegħu biex ikun jista’ jgħallimhom. Aħna nużaw l-espressjoni: fejn tpoġġi? Fejn ipoġġi it-tali tabib? Fi kliem ieħor fejn hija l-klinika tiegħu? Dan il-persuna fejn jgħallimhom lid-dixxipli tiegħu? Nistgħu ngħidu li huwa dan l-għarfien tagħhom ta’ min hu Ġesù li qanqlet fihom din il-mistoqsija. Però sa ċertu punt żgħir kemm kien żgħir l-għarfien tagħhom dwar Ġesù, kien meħtieġ biex tinżera fihom ix-xewqa li joqgħodu miegħu u li eventwalment kabbritilhom l-għatx biex ikomplu jsiru jafuh.
- Tixtieq tkun taf fejn jagħmmar?
B’hekk jilqgħu l-istedina ta’ Ġesù meta jgħidilhom “ejjew u taraw”. Risposta li tirrikjedi ż-żmien u l-ħin. Xejn ma nafu x’intqal, x’għamlu jew kif qattgħu l-ħin flimkien. Din ix-xena turina biss it-tweġiba tal-ewwel dixxipli fuq dak li qalilhom Ġwanni u mbagħad għall-istedina ta’ Ġesù. Mid-dettalji nafu li wieħed mid-dixxipli kien jismu Indrì, u li aktar tard jurina li ħuh kien Xmun Pietru meta Indrì nnifsu jmur javża, jinforma lil ħuh li sabu l-Messija (u l-evanġelista jżid li tfisser Kristu, il-midluk) fis-sens biss u pur ta’ mgħallem, Rabbi.
Id-dixxiplu l-ieħor ma’ jissemmiex ismu.
Meta Indrì jmur fuq ħuh Xmun Pietru biex jgħarrfu bil-messija jgħidlu: “Sibna l-Messija”. Il-verb ‘Sibna’ juri minn fejn kienet ġejja l-inizjattiva: l-inizjattiva kienet minn naħa tad-dixxipli mentri li fir-realtà kien Ġwanni li uriehom minn kellu jkun il-Messija. Għax emmnu u obdew lil Ġwanni marru warajh u l-istedina biex jkunu mgħarrfa fejn jgħammar kienet ġejja minn Ġesù nnifsu meta qalilhom: Ejjew u Taraw.
- Int sibtu?
Huwa minnu li huma minn naħa tagħhom għamlu dak li qalulhom. Però l-inizjattiva biex ikunu fil-preżenza ta’ Ġesù u l-għarfien tagħhom dwar Ġesù ma kienitx xi ħaġa li tiddependi minnhom. Din il-verità mtappna ta’ Indrì hija ċċarata bis-sħiħ fil-profezija ta’ Ġesù meta jħares lejn Xmun Pietru u jgħidlu: “Inti Xmun, bin Ġwanni. Inti tissejjaħ Kefa”. Il-Kelma użata, “ħares”, m’hijiex kwalunkwe ħarsa jew ħarsa li tieqaf lejn l-apparenza ta’ barra tal-persuna imma ħarsa li tippenetra u taqra l-qalb tal-persuna.
L-inizjattiva hija tiegħu. Huwa Alla li jieħu l-ewwel pass fil-ħajja tal-bniedem, bħalma kienet inizjattiva tiegħu meta fil-ħolqien ħares lejH innifsu u ħoloq il-bniedem fuq ix-xbiha tiegħu. Meta l-bniedem jibda’ jfittex u l-qalb tibda tixxennaq għall-Mulej bħalma jingħad fis-Salm 41(42): Bħalma għażżiela tixxennaq għan-nixxigħat ta’ l-ilma, hekk tixxennaq ruħi għalik, Alla tiegħi. Ruħi għatxana għal Alla, għal Alla l-ħaj, dan huwa l-mument fejn il-bniedem ikun qiegħed iħalli lil Alla jdur lejh. Santu Wistin jgħid: inkunu għadna l-anqas bdejna infittxu, Alla jkun tiġa sabna. Meta nduru lejn Alla, meta nfittxu lil Alla, m’aħniex infittxu lil xi ħadd moħbi jew ‘l bogħod minna; imma inkunu qegħdin nirrikorru lejn xi ħadd li qiegħed jistenniena u li minn jeddu jieħu l-inizjattiva biex jiġi jiltaqa’ magħna.
- Qatt ħares f’għajnejk? Tħallieh?
- X’inhi l-inizjattiva tiegħu għalik?
Talba
O Marija, Int li bl-“Iva” tiegħek ħallejt lil Alla jidħol mhux biss fil-ħajja tiegħek iżda fil-ġuf tiegħek, ħares f’għajnejna u qarribni lejn Ġesù. Ammen. Ave Maria