Mons. Sidor Formosa

Monsinjur Sidor Formosa, magħruf bħala l-Fundatur tal-Orsolini Maltin, twieled il-belt Valletta fil-15 ta’ Novembru 1851 minn familja sinjura u nobbli, l-ewwel fost tliet aħwa li t-tnejn l-oħra mietu żgħar. Minkejja li l-ġenituri tiegħu kienu jixtiquh isir tabib jew avukat u jiżżewweġ biex ikompli r-razza, meta kellu tnax-il sena, Sidor qal lil ommu li hu la ried isir avukat u lanqas jiżżewweġ iżda ried isir qassis. 

Għalkemm ommu għall-ewwel ippruvat tbiddillu fehmtu, meta rat li kien deċiż fil-fehma tiegħu hija għenitu biex jimxi fis-sejħa tiegħu. Wara li għamel l-istudji tiegħu fil-Liċeo, daħal is-Seminarju biex iħejji ruħu għal qassis, u wara li segwa kors fl-Università sar saċerdot fit-18 ta’ Diċembru 1875, fl-età ta’ 24 sena.

Hekk kif ordna, huwa mill-ewwel beda jieħu ħsieb it-tfal foqra li kienu jiffrekkwentaw l-oratorju tal-Bon Pastur fil-knisja tal-Vitorja, il-Belt. Iżda fl-istess waqt huwa waqqaf il-kongregazzjoni tal-Figlie di Maria fil-knisja ta’ Santa Barbara, fil-Belt, kongregazzjoni ta’ tfajliet bil-għan li jikbru fl-ispiritwalità u jiddedikaw ħinhom f’opri ta’ ġid għal ħuthom fil-bżonn. Fl-1881 huwa nħatar ukoll kappillan tas-sorijiet tal-klawsura ta’ Santa Katarina tal-Belt li ma setgħux ma jimpressjonawx ruħhom bl-imġiba nobbli tiegħu.

Iżda Dun Sidor f’moħħu kellu dejjem il-ħsieb u x-xewqa li jagħmel xi ħaġa għal tant nies batuti u fil-bżonn li dak iż-żmien kien hawn ħafna f’Malta. Huwa dejjem kellu xewqa li jagħti ġidu u ħajtu għall-fqar, kbar u ċkejknin, biex itaffi n-niket tagħhom u jnissel fihom ftit tama fil-ħajja. Kif kiteb darba hu stess: “Malli sirt saċerdot, għaddieli minn rasi, li mill-ġid li Alla għoġbu jqegħdli f’idejja nagħmel xi opra ta’ karità kif Alla jdawwalli moħħi. Bdejt nitlob lill-Mulej jurini r-rieda tiegħu.”

Dun Sidor dejjem kellu xewqa li jagħti ġidu u ħajtu għall-fqar, kbar u ċkejknin, biex itaffi n-niket tagħhom u jnissel fihom ftit tama fil-ħajja

U tassew ir-rieda tal-Mulej raha titwettaq bil-mod il-mod kemm permezz tal-ħidma tiegħu fis-Soċjetà ta’ San Vinċenz li għal snin twal kellu jkun president tagħha, kemm ukoll permezz ta’ kumpanija li huwa waqqaf ta’ xbejbiet lajċi li jibqgħu fid-dar u fuq l-eżempju tal-fondazzjoni mwaqqfa minn Santa Angela Merici, jintefgħu fuq opri ta’ għajnuna lill-oħrajn. Imma aktar ‘il quddiem, huwa rnexxielu jwaqqaf komunita’ ta’ sorijiet li jgħixu ħajja komunitarja taħt l-ispirazzjoni ta Santa Anġela Merici, fundattriċi tal-Orsolini. Bil-mod il-mod, u wara taħbit u inkwiet, Dun Sidor irnexxielu jġib l-approvazzjoni meħtieġa għal dawn iż-żewġt fondazzjonijiet. U dan kollu beda mill-ewwel grupp tiegħu tal-Figlie di Maria li kien waqqaf fil-knisja ta’ Santa Barbara.

Il-kariżma tas-Sorijiet Orsolini, imwaqqfa minn Dun Sidor, kellha tkun mhux biss il-qdusija tal-membri tagħha, iżda wkoll il-ħidma tagħhom favur it-tfajliet ulied il-poplu, speċjalment dawk ta’ bla skola u mbegħdin minn Alla, favur l-ommijiet foqra u b’risq it-trabi u t-tfal żgħar li jew kienu iltiema jew kellhom ommijiethom morda, jew fl-isptar jew fil-ħabs u allura ma kellhomx min jieħu ħsiebhom. Dun Sidor kien lest li jbati biex jara l-opra tiegħu tieħu l-ħajja. Kien idur id-djar u l-ħwienet biex jiġbor il-flus għall-opra qaddisa tiegħu u ġieli qala’ kliem iebes u anki xi ċanfira. Illum nafu biżżejjed kemm din l-opra qaddisa tal-Orsolini mwaqqfa minn Dun Sidor xterdet u qed tagħmel ġid f’Malta u Għawdex, kif ukoll barra minn xtutna.

Fl-età ta’ 68 sena beda jħoss saħħtu sejra lura. Ta’ 70 sena tilef id-dawl għal kollox, u fl-aħħar snin ta’ ħajtu marad marda serja. Miet fid-19 ta’ Jannar 1931, fl-età ta’ 80 sena. Is-sorijiet meta ġew biex ikeffnuh lanqas tibdila ma sabulu u kellhom jissellfu mingħand il-ġirien.

Mill-ktejjeb “Il-frott tagħhom jibqa’…”, kitba tar-Rev. Kan. John Ciarlò, pubblikazzjoni tas-Seminarju tal-Arċisqof, 2000

Stampa: Pittura tal-Kavallier Pawlu Camilleri Cauchi, mill-ktieb Mons. Sidor Formosa (1851-1931): Fundatur tal-Orsolini Maltin ta’ Sant’Angela Merici, ta’ P. Alexander Bonnici (Reliġjon u Ħajja, Kunvent San Franġisk – ir-Rabat, 1991).