“Tibżax, Pawlu”

Fuq il-ġifen li wassal lil Pawlu priġunier minn Ċesarija sa Ruma, seħħet il-kelma ta’ Kristu fl-ewwel kapitlu tal-Atti tal-Appostli, “Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art” (Atti 1:8). Fir-rakkont li nsibu fl-Atti dwar in-nawfraġju ta’ San Pawl, insibu li l-kundizzjonijiet ma kienux daqstant ideali għat-tbaħħir. Iżda minkejja t-twissijiet ta’ Pawlu biex ma jbaħħrux u jibqgħu Kreta, xorta komplew bil-vjaġġ, u ltaqgħu ma’ tempesta fil-baħar. Is-suldati kif raw dan kollu, “..qaċċtu l-ħbula tad-dgħajsa u ħallewha tmur għal riħha” (Atti 27:32).

Waqt dan kollu, kien Pawlu li qawwa qalb sħabu u qalilhom b’dehra li kellu, infatti jgħid, “Għax dal-lejl deherli anġlu ta’ dak Alla li tiegħu jien u li lilu nqim, u qalli: ‘Tibżax, Pawlu. Jeħtieġ li inti tidher quddiem Ċesari; ara, Alla tak il-grazzja li dawk kollha li qegħdin jivvjaġġjaw miegħek isalvaw’” (Atti 27:23-24). Imqar f’tant tiġrib, Pawlu xorta jkun dak li jqawwi qalb ħutu bit-Tama.

Wara dan in-nawfraġju, saru jafu li l-gżira kien jisimha Malta. Il-poplu Malti laqgħu lil Pawlu u lill-kumplament b’mod tajjeb, tant li qabdulhom ħuġġieġa għax kien il-bard. Il-waqfa ta’ Pawlu f’Malta saret ukoll okkażjoni għal Pawlu biex iwassal il-Kelma ta’ Alla u jfejjaq il-morda, u wara l-fejqan ta’ missier Publju, “imbagħad bdew ukoll jersqu għandu l-morda l-oħra tal-gżira, u hu fejjaqhom” (Atti 28:9).

Permezz ta’ dan kollu, Pawlu jurina li rridu ngħixu t-tiġrib billi nersqu iżjed qrib ta’ Ġesù u li għandna nħallu lill-Mulej jaħdem fina, biex inwasslu l-messaġġ ta’ Tama lil ħaddieħor. Għandna nibqgħu nwasslu l-messaġġ ta’ Tama u ta’ xhieda, għax ħutna snin ilu, “urew ġieħ kbir” lil Pawlu, Luqa u lil dawk li kienu fuq il-ġifen (Ara Atti 28:10).

Stampa: Xogħol ta’ Stefano Erardi, Parroċċa Rabat